Lokali Qorti

Jerġa’ jitressaq il-Qorti fuq serq minn karozzi

Matthew Frendo ta’ 45 sena mr-Rabat li nhar il-Ġimgħa tressaq il-Qorti u m’ammettiex li wettaq diversi serqiet minn għadd ta’ karozzi pparkjati quddiem il-bibien tan-nies minn tliet lokalitajiet reġa’ tressaq il-Qorti mixli bi tliet seriqet oħra minn karozzi fir-Rabat.

Nhar il-ġimgħa l-Prosekuzzjoni qalet li kienu diversi karozzi li ġew sgassati f’temp ta’ erba’ t’ijiem u li minnhom ittieħdu diversi oġġetti bħal nuċċalijiet u aċċessorji. Saret ukoll ħsara f’ħafna mill-karozzi li s-sidien tagħhom joqgħodu fl-inħawi ta’ fejn dawn kienu pparkjati.

Il-maġġoranza tas-serq kien sar bejn is-16 u l-20 ta’ April li għadda u li dan kien jinkludi serq ta’ flus kontanti miċ-ċenaklu li tinsab fi Triq il-Kbira Ħaż-Żebbuġ. Saret serqa wkoll minn karozza ta’ tabib magħruf minn Ħaż-Żebbuġ fejn  ittieħdiltu bagalja.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras huwa għal darba oħra ġie mixli wkoll li mit-tliet karozzi misruqa fir-Rabat huwa kkawżalhom ħsarat għad-dannu tas-sidien tagħhom. Dawn is-serqiet allegatament seħħew bejn l-aħħar jiem ta’ Marzu u l-bidu ta’ April. L-Avukat Marlia Carlson m’għamlitx talba għal libertà proviżorja ta’ Frendo li bħalissa jinsab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.  Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Stacy Attard u Andy Rotin li qalu li minn aktar investigazzjonijiet hija waslet għall-akkużat li kien hu li wettaq dan is-serq.

Nhar il-Ġimgħa kienet saret talba għal libertà proviżorja ta’ Frendo iżda din kienet miċħuda minħabba li m’għandux residenza fiss u meta kien mitlub biex jieħu lill-Pulizija fejn l-oġġetti misruqa, ħadhom fejn karozza abbandunata f’Ħaż-Żebbuġ li kien fiha l-oġġetti misruqa u għalhekk x’aktarx li kien qed jgħix fiha. Fattur li baqa’ miżmum il-ħabs minħabba nuqqas ta’ affidabilità.