Lokali Parlament

Ksur ċar tad-doveri tas-Segretarji Parlamentari f’kuntratt ta’ €274 miljun f’San Vinċenz de Paule

  • L-NAO

Diversi rregolaritajiet innutati mill-NAO fl-analiżi dwar il-proċess ta’ akkwist

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ddikjara li jsibha diffiċli jemmen li l-kuntratt ta’ €274 miljun f’San Vinċenz de Paul, li n-negozjati dwaru kienu ilhom għaddejjin għal bosta xhur, ma ġibidx l-attenzjoni tas-Segretarji Parlamentari responsabbli mill-San Vinċenz de Paul u n-nuqqas li jistaqsu dwar ir-regolarità ta’ dan il-kutnratt hu ksur ċar tad-doveri tas-Segretarji Parlamentari fil-kuntest tal-kariga politika tagħhom.

Din id-dikjarazzjoni saret b’rabta ma’ management service agreement ta’ valur ta’ aktar minn €274 miljun li ġie konkluż fl-14 ta’ Novembru 2017 mir-Residenza San Vinċenz de Paul (SVP) u l-Konsorzju JCL u MHC li ngħata direttament wara proċedura negozjata.

Il-ftehim irregola s-servizzi li kellhom jiġu pprovduti mill-konsorzju fir-rigward tal-504 sodod f’erba’ blokok li kellu jibni. Il-kostruzzjoni ta’ dawn il-blokok kienet marbuta ma’ investiment addizzjonali, stmat li jiswa €29 miljun li l-konsorzju kellu jipprovdi mingħajr spejjeż għal SVP, f’sejħa għall-offerti separata għal servizzi komprensivi, li kienet tinkludi l-provista ta’ catering u l-kostruzzjoni ta’ kċina. Il-kuntratt relatat ma’ din is-sejħa għall-offerti li sar ukoll fl-14 ta’ Novembru 2017, kellu valur ta’ €57 miljun.

Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi talab lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) biex jeżamina dawn il-kuntratti. Diversi rregolaritajiet ġew innutati mill-NAO fl-analiżi mwettqa dwar dan il-proċess ta’ akkwist. L-aktar serji huma dawk relatati mal-kunċett ta’ investiment addizzjonali, il-bażi legali tal-proċedura negozjata, in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni matul il-proċess kif ukoll tħassib dwar in-nuqqas ta’ valur għall-flus f’dan l-akkwist.

L-NAO ma setax jiddetermina kif tnebbaħ il-kunċett ta’ investiment addizzjonali minkejja li dan kien rekwiżit innovattiv fis-sejħa għall-offerti għal servizzi komprensivi. Dan l-uffiċċju għandu riservi dwar ir-raġuni għaliex ma ġew stabbiliti l-ebda parametri biex jiggwidaw lil dawk interessati fis-sejħa jifformulaw l-investiment addizzjonali.

Dan it-tħassib jikber, qal l-NAO, meta wieħed iqis l-importanza sproporzjonata li l-investiment addizzjonali ġie assenjat fil-kriterji ta’ evalwazzjoni. Il-kunċett ta’ investiment addizzjonali, mingħajr ebda spiża għall-awtorità kontraenti, kif applikat f’dan il-każ, huwa falz, għax fi tranżazzjoni ta’ valur sinifikanti b’interessi kummerċjali, xejn ma jiġi b’xejn. L-offerenti setgħu jirkupraw l-investiment addizzjonali billi jinkludu din l-ispiża fil-prezz għall-provista ta’ ikliet jew permezz ta’ ftehim ieħor relatat.

L-ikbar tħassib huwa li l-bażi li ngħatat bħala ġustifikazzjoni li tawtorizza l-proċedura negozjata kienet bi ksur ta’ ċerti provedimenti leġiżlattivi, u b’hekk possibbilment tinvalida l-akkwist.

L-NAO kompla li l-awtorizzazzjoni li ntalbet mill-SVP, li ġiet approvata mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali (MFSS) u mogħtija mid-Dipartiment tal-Kuntratti (DoC), kienet fuq il-bażi li l-kompetizzjoni kienet assenti għal raġunijiet tekniċi u għal raġunijiet ta’ urġenza estrema.

L-NAO sostna li ma kien hemm l-ebda raġuni teknika li kienet tipprekludi l-kompetizzjoni billi l-immaniġġjar ta’ dawn il-blokok seta’ jsir minn operaturi oħra. Minkejja referenza għall-urġenza, din ma kinitx ġustifikata għaliex il-blokok kellhom ikunu taħt kostruzzjoni għal mill-inqas 18-il xahar, li matulhom l-SVP seta’ jakkwista dawn is-servizzi permezz ta’ proċedura kompetittiva.

Nieqsa b’mod ċar kienet kull awtorizzazzjoni politika li tapprova l-impenn tal-Gvern għal proġett ta’ aktar minn €274 miljun u li daħal għalih b’mod dirett mal-Konsorzju JCL u MHC. Il-ftehim għall-immaniġġjar tal-blokok addizzjonali ma nġiebx għall-attenzjoni tal-Kabinett minkejja l-materjalità tiegħu u l-importanza nazzjonali tal-proġett.

L-NAO kkonkluda li l-ebda awtorizzazzjoni politika biex l-SVP jidħol fi proċedura negozjata mal-konsorzju ma kienet mitluba u provduta mis-segretarji parlamentari involuti. Meta wieħed iqis il-firxa tal-proġett, il-materjalità tiegħu, is-sinifikat tiegħu minħabba ż-żieda fil-kapaċità tal-faċilitajiet eżistenti, u li n-negozjati kienu ilhom għaddejjin għal bosta xhur, l-NAO jsibha diffiċli jemmen kif dan il-proġett ma ġibidx l-attenzjoni tas-segretarji parlamentari responsabbli mill-SVP. Anki jekk il-proġett ma ġiex riferut lis-segretarji parlamentari għall-awtorizzazzjoni, in-nuqqas li jistaqsu dwar ir-regolarità ta’ dan l-akkwist huwa ksur ċar tad-doveri tagħhom fil-kuntest tal-kariga politika li kellhom.

Ta’ tħassib għall-NAO huwa l-fatt li l-MFSS, l-SVP u d-DoC aċċettaw l-offerta tal-Konsorzju JCL u MHC u assenjawh l-immaniġġjar tal-blokok ġodda mingħajr l-għarbiel xieraq. Il-Konsorzju offra skont fuq l-ispejjeż tal-SVP, liema spejjeż kienu determinati permezz ta’ analiżi indipendenti.

L-NAO sostna li l-ispejjeż kellhom jiġu determinati qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni biex il-ġestjoni ta’ dawn il-blokok tiġi assenjata lill-konsorzju.

Apparti dan, ma saret l-ebda analiżi dwar il-prezz li l-gvern kien qiegħed iħallas għal residenti dipendenti fi djar oħra tal-kura għall-anzjani, liema rata kienet ferm inqas minn dik mitluba mill-konsorzju, dik ta’ €99.17 kuljum għal kull resident għal kull sodda okkupata. Ir-rata medja ta’ kuljum li l-gvern kien qiegħed iħallas kuntratturi privati ​​għal persuni b’dipendenza għolja fl-2016 kienet ta’ €51.06. F’Novembru 2020, jiġifieri, mat-trasferiment tal-blokok lill-SVP, ir-rata mitluba mill-konsorzju ġiet riveduta għal €118.44, filwaqt li r-rata medja mitluba taħt l-Iskema tax-Xiri ta’ Sodod kienet ta’ €65.13. Din id-differenza tqajjem dubji dwar jekk il-valur għall-flus kienx assigurat.