Maria Deguara, PN
Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara appellat lill-gvern biex l-anzjani jkollhom il-fakulta li jużaw il-vouchers għall-prijoritajiet tagħhom.
Fil-parlament Maria Deguara qalet li l-Prim Ministru ħabbar li jekk il-pandemija tal-COVID tibqa’ tiġi kkontrollata sew, wara li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet li tħabbru nhar il-Ħadd 25 ta’April, allura l-gvern jibda jaħseb biex joħroġ il-vouchers ta’ €100 li kien wiegħed xhur ilu.
€60 sejrin biex jgħin lir-restoranti jirpiljaw u €40 biex jgħin ħwienet oħra li jipprovdu servizzi mhux essenzjali li ilhom magħluqa għal dawn l-aħħar ftit ġimgħat. Dan bir-raġun għaliex it-tnejn kienu fost dawk in-negożji li ntlaqtu l-iżjed ħażin u l-vouchers jgħinu biex ittaffu ftit mil-ħsara li ġabet l-pandemija fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Meta ngħataw il- vouchers f’Lulju li għadda, biex il-gvern jikkonsidra u jilqa’ s-suġġeriment ta’ numru kbir ta’ anzjani u l-familji tagħhom li jixtiequ li jitħallew jużaw il-valur kollu ta’ dawn il-vouchers fejn l-aktar li jħossu li għandhom bżonn.
Għalihom ikun aħjar li kieku dawn il-vouchers jużawhom biex jixtru mediċini li ma humiex fuq il-folmorarju u li allura jkollhom jixtrihom minn buthom. Kull tabib jaf b’anzjani li jkollhom jonfqu mal-€100 fix-xahar mill-penzjoni li jirċievu għal xiri ta’ dawn il-mediċini.
L-anzjani li jgħixu f’darhom jippreferu li dawn il-vouchers ikollhom l-opportunità jużawhom biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl u ilma jew biex itaffu xi ftit mill-għoli tal-ħajja ta’ kuljum jew xi bżonnijiet oħra li jista’ jkollhom.
Ma’ dawn wieħed jrid jżid ukoll dawk il-mijiet li huma rikoverati ġewwa residenzi, sptar jew djar u li ma joħorġux. Biex ma jintilfux dawn il-vouchers ma jkollhomx triq oħra ħlief li jgħadduhom lil terzi mingħajr ma jiggwadanjaw xejn minnhom.
Dawk l-anzjani li jridu jużawhom kif speċifika l-Gvern ma jkun hemm xejn li jżommhom milli jagħmlu dan. Numru ta’ anzjani oħra ssuġġerew li minflok dawn jeħduhom bħala vouchers, jippreferu li jingħataw l-ekwivalent tal-vouchers fi flus, bħala żieda ta’ darba mal-penzjoni li jirċievu. Digà setgħu fl-aħħar ġimgħat jiltaqgħu ma sħabhom u jinżlu għall-ikel u jisimgħu l-quddies bħal qabel.
Ikun xieraq kieku l-awtoritajiet jagħmlu arranġament l-anzjani kollha irrispettivament mill-istat tas-saħħa tagħhom jerġgħu jiltaqgħu mal-għeżież tagħhom. Din il-ġimgħa l-awtoritajiet ħabbru ukoll li t-tobba tal-privat ser ikunu f’pożizzjoni li jibdew jagħtu l-vaċċin fil-kliniċi privati tagħhom.
Wara li l-gvern ta’ indikazzjoni li kien se jilqa’ l-proposta tal-Oppożizzjoni u l-offerta tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba fil-Privat, dawn it-tobba bdew jiġbru l-ismijiet ta’ pazjenti li xtaqu jirċievu l-vaċċin għandhom. Għal numru ta’ ġimgħat ma’ nstema’ xejn aktar minn naħa tal-awtoritajiet u ħafna pazjent, qatgħu qalbhom jistennew u kontra qalbhom kellhom jinkitbu biex jitlaqqmu fiċ-ċentri u hubs provduti mil-gvern.
Numru ta’ tobba tal-familja riedu jagħtu s-servizz professjonali tagħhom u jgħinu jlaqqmu fil-kliniċi tagħhom volontarjament u mingħajr ħlas. Kien hemm ukoll tobba oħra li stennew xi kumpens finanzjarju għas-servizz professjonali tagħhom u sal-lum ma nstema’ xejn.
Ma naħsibx li kien biżżejjed li l-awtoritajiet għamlu tutorjal ta’ darba kif kellu jiġi amministrat il-vaċċin u wara ma nstamat xejn aktar. Issa ħarġu numru ta’ dettalji li żgur ser jaqtgħu qalb numru ta’ tobba li ġenwinament riedu jagħtu daqqa ta’ id bit-tilqim kontra l-COVID.
Fosthom li it-tobba se jkollhom imorru jiġbru l-vaċċin mil-Isptar Mater Dei, li se jkollhom jipprovdu coolers biex jiżguraw li l-vaċċin jibqa’ l-ħin kollu f’temperatura ideali u li biex ma jinħlewx dożi, kien jinħtieġ li jinġabru biss meta tabib ikun ġabar l-ismijiet ta’ ħdax-il pazjent. Iridu ukoll u bir-raġun jiżguraw li jżommu kontroll assolut fuq it-temperatura tal-vaċċin u li l-vaċċin jiġi amministrat qabel ma jgħaddu sitt sigħat.
Dan ifisser li t-tabib jrid jiftiehem ma’ ħdax il-pazjent biex jattendu fl-istess ġurnata. Mhux biss imma issa ħareġ ċar ukoll li dawk il-pazjenti li għaliex qatgħu qalbhom jistennew lit-tobba tal-familja jibdew jagħtu l-vaċċin u laħqu nkitbu jew applikaw biex jieħdu l-vaċċin mingħand il-gvern, ma jistgħux jerġgħu jagħżlu biex jieħdu l-vaċċin mingħand it-tobba tagħhom fil-privat.
//= $special ?>