Ambjent Lokali

L-Awtorità tal-Ippjanar tordna li jinqered mafkar għal Beata ta’ dixxendenza Maltija

"Jaqbdu maż-żgħir u jħallu lil min hu b'saħħtu jagħmel li jrid"

Raġel li b’mod volontarju għal dawn l-aħħar snin kien jieħu ħsieb żona fl-inħawi magħrufa minn bosta bħala Top of the World fil-lokalità ta’ Ħal Għargħur ġie mġiegħel mill-Awtorità tal-Ippjanar u mhedded li jiġi mmultat €50,000 wara li għamel mafkar żgħir permezz ta’ tlett ġebliet fuq xulxin f’memorja tal-Beata Sr.Angèle-Marie Littlejohn, soru ta’ dixxendenza Maltija.

Il-każ ta’ Ronnie Gauci jmur lura s-snin meta, wara li ritra mill-Forzi Armati ta’ Malta, kien beda jieħu ħsieb iż-żona billi jieħu ħsieb u jnaddaf il-ġnien kif ukoll ineħħi b’mod volontarju xi skart li xi żgħażagħ u persuni oħra kienu f’xi waqtiet iħallu warajhom meta jmorru jaraw tlugħ ix-xemx.

Fost is-sħubija li għamel tal-post – huwa ħoloq ukoll niċċa żgħira ddedikata lill-Madonna.

Madanakollu fl-aħħar ġimgħat, uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar ordnaw lil Ronnie Gauci sabiex ineħħi b’mod immedjat mafkar iddedikat lill-Beata ta’ dixxendenza Maltija – s-soru li missierha kien minn Ħal Għargħur li flimkien ma 18-il missjunarju oħra nqatlet martri fl-Alġerija 20 fl-1995 – bl-Awtorità tal-Ippjanar tiddeskriviha bħala struttura mingħajr permess.

Bosta residenti sostnew li l-Awtoritajiet għandhom jaraw b’mod mill-aktar fis x’inhuma l-prijoritajiet tagħhom hekk kif filwaqt li qed juru l-id tal-ħadid ma’ dan ir-raġel, qed iħallu l-bini bl-addoċċ fuq artijiet ODZ.

Huma insistew li għal Gvern Laburista “donnu il-liġijiet jgħoddu skont min int għax jekk int b’saħħtek iħalluk tagħmel li jiġi għal moħħok iżda ma min u żgħir u dgħajjef għal għajnu, jaqbdu miegħek.”

Ir-residenti komplew jgħidu li fl-istess żona qed jitħejju pjanijiet għal żvilupp f’art ODZ għal bini ta’ djar bil-pools fl-akwata bil-bord tal-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent topponi dan il-proġett ukoll.