L-għaqdiet volontarji u l-voluntiera Maltin u Għawdxin jinsabu ixxukkjati. Dan saħquh il-Volontarjat Action Group fejn saħqu li ftit tal-jiem ilu, il-Kunsill Malti għall-Għaqdiet Volontarji ippubblika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ avviżi legali dwar il-ġbir pubbliku u l-ħwienet tal-karita li daħlu fis-seħħ f’Settembru li għadda.
Dawn ir-rakomandazzjonijiet ma jirriflettux il-pożizzjoni tal-għaqdiet għal dawn ir-raġunijiet: Il-Kunsill qed jitlob sospensjoni u emendi ta’ l-avviżi legali. Is-serjetà titlob revoka totali, segwita minn spjegazzjoni mill-awtorijiet ta’ l-għanijiet li jridu jilħqu u konsultazzjoni effettiva mal-għaqdiet volontarji. Imbagħad, jekk tassew ikun bżonn, ikunu abbozzati avviżi legali ġodda, L-avviżi legali huma diġa’ fis-seħħ. Huma liġi. U billi jgħalaq għajnejh il-Kummissarju poġġa lill-għaqdiet volontarji fi stat ta’ illegalità. Il-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji m’għandux id-diskrezzjoni jekk jenforzax il-liġi. F’dan il-pajjiż suppost issaltan il-liġi, u mhux ir-rieda ta’ xi kummissarju jew ta’ xi kunsill, L-avviżi legali huma illegali, għaliex imorru kontra il-prinċipji fil-liġi prinċipali. Qatt ma jista’ jkun li liġi sussidjarja tmur kontra il-liġi prinċipali li taqa’ taħtha.
It-talbiet prinċipali ta’ l-NGOs ġew injorati mill-kunsill, fosthom li skont Att dwar il-Ġbir Pubbliku (Kapitolu 279 tal-Liġijiet ta’ Malta), organizzazzjoni volontarja reġistrata mal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji ma teħtieġ l-ebda permess biex tagħmel ġbir mingħand il-pubbliku. Dan il-prinċipju fundamentali ġie abolit u l-għaqdiet volontarji ntefgħu lura egħrbin sena. Neżiġu li dan id-dritt jiddaħħal lura fil-liġi tagħna b’ċarezza u bla aktar dewmien.
Huma stqarrew li mhux ser nirrikonoxxu kwalunkwe ftehim bejn l-awtoritajiet meta xorta waħda tkun għada fis-seħħ it-theddida gravissima fuq is-settur volontarju … dan għaliex il-posizzjoni tal-kunsill ma tissodisfax il-protezzjoni minima li jixraqilhom l-għaqdiet volontarji u ċertament ma tiżguraz li jkunu jistgħu jaħdmu b’ambjent ħieles mill-indħil tal-gvern.
Dan filwaqt li saħqu li l-Kunsill Malti għall-Għaqdiet Volontarji m’għandux jittratta lill-NGOs bħala tfal żgħar li jeħtieġ lil min jikkoreġilhom il-homework. Fis-siegħat li ġejiin ser ikunu qed jinfurmaw uffiċjalment lill-Kunsill tal-Ewropa b’din it-theddida fuq il-volontarjat f’pajjiżna u konsegwentement fuq id-dritt ta’ assoċċjazzjoni u d-dritt ta’ espressjoni ħielsa.
Il-Volontarjat Action group saħqu li fuq din il-kwistjoni l-poplu hu magħhom. Hu skandalizzat b’dan l-attakk fuqna.
Il-gvern, il-kummissarju u l-kunsill m’għandhomx jibqgħux jittrattaw lill-għaqdiet volontarji u lill-voluntiera bħala suspettati. Huma saħqu biex dawn jirrikonoxxu li żbaljaw, jagħmlu pass lura u jagħmlu bidla ċara.
Huma temmew l-istqarrija tagħhom billi saħqu li għandna obbligu li lil ta’ warajna ma nħallulhomx pajjiż niexef mil-volontarjat u b’anqas drittijiet.
//= $special ?>