Lokali

L-Eks Supretendent Ray Aquilina interrogat dwar leaks marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

L-eks Supretendent Ray Aquilina, li sa ftit tax-xhur ilu kien jifforma parti mid-Dipartiment tar-Reati Kriminali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, l-Erbgħa filgħodu sebaħ fl-istess dipartiment fejn skont sorsi kien qed jiġi interrogat b’rabta ma’ leaks dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Aquilina kien fost għadd ta’ persuni li kienu qed jiġu interrogati b’rabta ma’  kif għaddiet informazzjoni lil persuni involuti direttament mal-assassinju tal-ġurnalista.

Ray Aquilina kien issemma mill-middleman fl-assassinju Melvin Theuma li fil-Qorti xehed kifl-istess eks Supretendent kellu jgħaddilu lista ddettaljata tal-propjetajiet tiegħu li kellhom jiġu rrejdjati mill-Pulizina.

F’recordings li nstemgħu fil-Qorti Theuma jinstema’ jiftiehem ma’ Johann Cremona dwar kif kellhom jirranġaw mal-eks Supretendent Aquilina biex dan tal-aħħar jirilaxxa lill-middleman mill-akkużi dwar ħasil ta’ flus ftit wara l-arrest tiegħu.

Minbarra xogħolu fid-Dipartiment kontra r-Reati Ekonomiċi, Aquilina kien għamel ukoll perjodu ta’ żmien imexxi l-investigazzjonijiet kontroversjali fil-kumpanija Nazzjonali tal-enerġija l-Enemalta.