Manchester City kisbu rebħa mportanti barra minn darhom fl-ewwel leg tas-semi finali kontra PSG bl-iskor ta’2-1. Iż-żewġ timijiet ikkwalifikaw għal din is-semi finali wara li eliminaw żewġ timijiet Ġermaniżi, b’PSG jeliminaw lil holders Bayern Munich, filwaqt li Man City eliminaw lil Borussia Dotmund. Filwaqt li PSG għelbu lil Metz, Man City rebħu l-Carabao Cup fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Tottenham Hotspurs.
PSG ħarġu fuq l-offensiva u ddominaw l-ewwel minuti tal-partita. Fit-tnax-il minuta Neymar bidel l-ballun ma’ Kylian Mbappe u bil-konklużjoni tiegħu tkun salvata mill-gowlkiper ta’ Man City Ederson. Biex fl-erbatax-il minuta PSG marru fil-vantaġġ meta minn corner minn fuq il-lemin ta’ Angel Di Maria, kien il-Brażiljan MARQUINHOS li għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil Ederson għal 1-0. Man City irrispondew fl-20 minuta meta minn cross ta’ Kevin De Bruyne, Bernardo Silva mattar saqajh tajjeb, bil-gowlkiper Keylor Navas jdawwar il-ballun f’corner. Fit-32 minuta Phil Foden seraq ballun milgħub qasir minn Keylor Navas bil-cross tiegħu isib lil Riyad Mahrez, bid-daqqa ta’ ras tiegħu tkun mtajjra mid-difensuri ta’ PSG.
Fl-40 minuta PSG reġgħu kienu perikolużi hekk kif Alessandro Florenzi għadda tajjeb fil-kaxxa, fejn qassam lejn Neymar, bil-Brażiljan ikun żbilanċjat, bir-referee jħalli l-logħob għaddej. Minkejja dan fl-azzjoni sussegwenti Man City irrispondew b’konklużjoni b’saħħitha ta’ Phil Foden bil-gowlkiper Navas jsalva tajjeb. Madanakollu, Man City kisbu l-gowl tad-draw fl-64 minuta meta l-cross-shot ta’ KEVIN DE BRUYNE sab ruħu fl-anglu tal-lasta, bid-difensuri u l-gowlkiper ta’ PSG jonqsu milli jirreaġixxu.
Biex fil-71 minuta Man City marru fil-vantaġġ permezz ta’ freekick ta’RIYAD MAHREZ, li għadda minn bejn il-plejers ta’ PSG għal skor finali ta’ 2-1. PSG spiċċaw jilgħabu b’għaxar t’iplejers fis-77 minuta meta IDRISSA GUEYE ġie muri l-karta ħamra wara daħla kerha fuq Ikay Gundogan.
//= $special ?>