Lokali Parlament

Nuqqas ta’ konsultazzjoni mill-gvern

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li fuq diversi proġetti u setturi l-gvern mhux qed iwettaq il-konsultazjzoni li għandha ssir.

Fl-Aġġornament tal-lejla Toni Bezzina qal li l-inġiniera huma inkwetati għaliex il-gvern qed jonqos milli jwettaq il-konsultazzjoni mal-unions ta’ dawn il-professjonisti fl-emendi għal-liġi dwar is-settur. Hu sostna li l-attitudni tal-gvern imur kontra d-direttivi tat-test tal-proporzjonalità u żied li l-gvern hu obbligat li jmur għall-konsultazzjoni. Il-gvern lanqas biss ried jitkellem ma’ din il-union, sostna Toni Bezzina, li kompla li l-gvern qed jissogra li dan l-abbozz ikun difettuż u jiġi sfidat fil-qarti.

Toni Bezzina kompla li x-xogħlijiet fil-mina ta’ Ħal Kirkop qed iġibu diffikultajiet kbar għar-residenti għaliex ix-xogħol issa ilu sena. Anki l-mod kif sar ix-xogħol hu ħażin għaliex l-ewwel tnaddfet il-mina u iktar tard sar tqattiegħ. Il-poplu qed iħallas €2.5 miljun għal dawn ix-xogħlijiet; anki hawn kien hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-kunsilli lokali. Hu ppropona li x-xogħlijiet isiru bil-lejl.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-ispejjeż għall-ingwurazzjoni tal-junction tal-Marsa kienu esaġerati fl-ammont ta’ €85,000 għal erba’ siegħat. Dawn il-flus setgħu ntefqu aħjar fosthom f’għajnuna lin-negozji.