Lokali

Owen Bonnici jikkonferma li l-pjan ta’ rkupru għadu ‘fi stadju ta’ diskussjoni’

Il-Gvern ghadu mweħħel fid-diskussjonijiet u jibqa’ mingħajr pjan jew direzzjoni għall-irkupru fid-diversi oqsma ta’ pajjiżna. Dan ikkonfermah għal darboħra il-Ministru Owen Bonnici li hu responsabbli mit-tfassil tal-istrateġija post-covid.

“L-EWWEL TLIET XHUR TAS-SENA IDDEDIKAJNIHOM GĦAD-DISKUSSJONIJET. ISSA FEJN APRIL U ĠUNJU SE NKUNU QED NESTERNALIZZAW DAWN L-IDEAT U NKOMPLU NITKELLMU”

Il-Ministru Bonnici kien qed iwieġeb għal mistoqsija dwar xi pjanijiet konkreti għandu l-Gvern fl-oqsma kruċjali, bħall-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport, l-enerġija, u l-innovazzjoni.  Madankollu hu baqa’ ma tax imqar idea waħda ta’ kif il-Gvern se jsaħħaħ dawn l-oqsma u x’ideat innovattivi għandu għalihom.

Il-Ministru għamel madwar kwarta jitkellem u jispjega li l-Gvern qed jaħdem biex jissaħħu l-oqsma kollha, madankollu f’dak il-ħin kollu baqa’ ma semmiex imqar ħaġa waħda konkreta li se jkun qed jagħmel, minkejja li ammetta li dawn huma oqsma importanti għall-Maltin u l-Għawdxin.

Sadanittant, waqt li l-Ministru baqa’ jinsisti li l-Gvern se jkun qed iħabbar il-pjan tiegħu sa l-aħħar ta’ Ġunju, baqa’ ma weġibx kif intagħżlet din id-data, meta l-Prim Ministru Robert Abela ilu minn Jannar jgħidilna li f’Mejju se nkunu business as usual.