Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara li nirien jaħkmu residenza f’Birkirkara

Raġel minn Ħal Balzan spiċċa jissielet għal ħajtu wara li nirien ħakmu residenza f’Birkirkara.

Il-każ seħħ fi Triq Papa Piju XII għall-ħabta ta’ nofsillejl hekk kif uffiċjali tal-Pulizija u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew msejħa fil-post sabiex jagħtu l-assistenza tagħhom u kkontrollaw in-nar f’qasir żmien.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li r-raġel ta’ 55 sena kien fir-residenza fejn ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku sabiex ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia li ħatret inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-każ.

S’issa mhux magħruf x’kebbes in-nirien.