Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa fuq pusses ta’ droga u xkubetta misruqa

Nigel John Abela, ta’ 46 sena sena minn Ħad-Dingli ġie kundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €600 wara li nstab ħati b’pusses ta’ droga kokaina u xkubetta misruqa Garand M1. Huwa ma nstabx ħati li kellu fil-pusses tiegħu armi oħra filwaqt li fuq serq ieħor ta’ armi oħra kien hemm akkużi li ġew preskritti. Huma nstab ħati wkoll li kellu numru ta’ armi bla liċenzja.

Abela li kien jaħdem mad-Dipartiment tal-VAT kien ukoll tressaq il-Qorti fuq każ ieħor fejn 32 persuna kienu ġew akkużati fuq tixħim u frodi mid-Dipartiment tal-VAT, tal-eluf kbar ta’ ewro. Ħafna minnhom kienu spiċċaw ikkundannati u interdetti.

Is-Supretendent Keith Arnaud qal lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li quddiema nstema’ l-każ illi l-investigazzjoni fil-konfront ta-imputat bdiet wara informazzjoni kunfidenzjali li huwa rċieva u dan fi-ssens illi l-imputat kien qiegħed jipprova jbiegħ xi armi li kellu fil-pussess tiegħu.

Qal li huwa kien ċempel lill-imputat sabiex jara jekk dan verament kellux xi armi għall-bejgħ. Abela wieġeb fl-affermattiv u għalhekk ftehmu li jiltaqgħu Ta’ Qali. Għall-ħabta tal-4.00 p.m. nhar it-28 ta’ Settembu 2009, ix-xhud u l-imputat iltaqgħu ħdejn iċ-ċimetrju tal-Mosta. Tenna li huwa mar fuq l-imputat u identifika ruħu bħala pulizija u saret tfittixija fil-vettura tiegħu u fil-bagoll tal-karozza nstab rifle tat-tip Garand M1, li kien ġo ‘camouflage pocket’.

Din l-arma kienet ġiet irraportata misruqa minn ġewwa residenza fil-Ħamrun fit-22 ta’ Lulju 2007 għad-dannu ta’ sid l-istess arma. Fl-istess serqa kienu ttieħdu b’kollox 11 il-arma. Saret ukoll tfittxija fir-residenza tal-imputat, u hemmhekk, fuq is-sodda, instabet arma oħra, xkubetta tat-tip pump action tad-ditta Amadeo Rossi.

Irriżulta illi din l-arma qatt ma kienet irreġistrata mal-Pulizija. Instabu wkoll diversi boroż ta’ siringi użati, u wara t-televixin, bott tal-ħalib tat-trabi li fih kien hemm ħames pakketti b’sustanza bajda suspettata kokajina.  Arnaud ikkonferma illi l-imputat dejjem ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. Abela kien jaħdem fid-Diviżjoni tal-Customer Care tad-Dipartiment tal-VAT.  

Mir-relazzjoni tax-Xjenzat Godwin Sammut irriżulta illi s-sustanza misjuba fil-pussess tal-imputat kienet kokaina, f’piż ta’ 2.76 grammi u b’purita` ta’ ċirka 25%. Abela ammetta din l-akkuża. Mill-provi rriżulta wkoll li kien hemm persuna li kkonferma illi kien hu stess illi għadda ż-żewġ armi tan-nar in kwistjoni lill-imputat.

Il-Qorti qalet li ank jekk l-imputat jidher illi laqa’ għandu l-istess armi b’mod temporanju, bil-ftehim illi jżommhom sakemm il-persuna jitlobhom lura, jibqa’ l-fatt illi fil-mument li huwa laqa’ għandu dawn l-armi u tul il-perjodu li żammhom, huwa qatt ma kellu liċenzja dwarhom.  Jidher ukoll li l-persuna li għaddiet l-armi lil Abela, kienu armi misruqa.

Abela m’għandux liċenzja għaż-żamma ta’ armi tan-nar. Għalhekk, huwa kellu javża lill-Kummissarju tal-Pulizija li ġew f’idejh dawn l-armi, ħaġa li evidentement m’għamilx, tant illi l-Arnaud sar jaf illi l-imputat possibiliment kellu xi armi għall-bejgħ tramite informazzjoni anonima, liema informazzjoni huwa proċeda sabiex jivverifikaha billi ltaqa’ mal-imputat.  Dwar l-akkuża li Abela laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa din hija preskritta. 

Għall-fini ta’ piena, il-Qorti qieset l-ammont ta’ droga misjuba fil-pussess tal-imputat, kif ukoll illi minkejja li huwa ammetta biss fuq id-droga, tali ammissjoni ma jistax jingħad li kienet waħda bikrija, iżda li huwa kkopera bis-sħiħ mal-pulizija waqt l-investigazzjoni tagħha.

Qieset ukoll illi fiż-żmien tal-każ odjern, il-fedina penali tal-imputat kienet waħda netta. Ikkunsidrat ukoll għall-fini tat-tieni imputazzjoniji illi qed tinstab ħtija fl-imputat in kwantu biss l-arma tat-tip Garand M1. Barra minn hekk dan il-każ jmur lura għas-sena 2009 u illi għalkemm kien hemm seduta li fiha l-imputat ma deherx minkejja li kien notifikat u tliet seduti li fihom id-difiża talbet differiment, altrimenti l-imputat dejjem deher u kienet il-Prosekuzzjoni li tawlet il-proċeduri b’talbiet għal differiment.

Dan apparti l-fatt illi ċ-ċitazzjoni odjerna ġiet intavolata f’Jannar 2011 u għalhekk iżjed minn sena wara li seħħ il-każ u l-kawża ġiet appuntata għas-smieħ għall-ewwel darba f’Settembru 2012. Il-Qorti ikkundannatu għal-piena ta’ disa’ xhur priġunerija sospiża għal sentejn u multa ta’ €600.