Lokali Qorti

Tliet snin u nofs ħabs wara li għen fl-użu ta’ passaporti foloz

Soee Malik ta’ 26, mill-Gambja, residenti fiċ-ċentru miftuħ ta ’Hal Far ġie kundannat tliet snin u nofs ħabs wara li ammetta li kkonfoffa fl-għajnuna ta’ persuni oħra biex jitilqu minn Malta billi juża passaporti u biljetti foloz. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud semgħet kif Malik kien jipprovdi d-dokumenti foloz lil dawk li jkunu immigranti, għalkemm ma kienx jiffalsifika d-dokumenti hu stess.

Huwa ammetta li fis-7 ta’ Ottubru 2020 u fix-xhur ta’ qabel bil-ħsieb illi jagħmel xi qliegħ, għen, assista, ta’ parir jew habbrek biex persuni oħra jidħlu jew joħorgu jew jgħaddu minn Malta. Huwa ammetta li sew f’Malta u barra minn Malta kkonġura f’dak is-sens ma xi persuni oħra biex iwettaq dan ir-reat. Il-Qorti semgħet l-ammissjoni ta’ l-imputat u dwar il-piena qalet li taqbel mal-Uffiċjal Prosekutur li, minkejja kollox, ma tistax tagħlaq għajnejha għall-fatt illi l-liġijiet tal-Immigrazzjoni ta’ dan il- pajjiż ġew miksura f’dan il-każ.

Il-Maġistrat Mifsud qal li l-Qorti lanqas ma tista’ tinsa’ li dan it-tip ta’ reati sar ħafna iktar komuni tant li sar fenomenu kostanti. U bir-rispett kollu, mhux aċċettabbli li persuni jkomplu jidħlu jew johorgu fit-territorju nazzjonali b’dokumenti foloz fejn jippruvaw iqarqu bl-awtoritajiet tal-Immigrazzjoni tal-Istat Malti u dawk barranin.

“Għalkemm mhux neċessarjament li huwa hekk f’dan il-każ, fil-prinċipju dawn ir-reati jistgħu jimminaw anke s-sigurta’ tal-pajjiż. L-Istat Malti għandu jkollu interess qawwi li jkun jaf sewwasew l-identità vera ta’ min ikun dieħel fil-pajjiż.
“Dan kollu b’mod partikolari fi żminijiet ta’ taqlib, kunflitti u terroriżmu li diversi partijiet tad-dinja, inkluż dawk viċini għal Malta, jinsabu għaddejjin minnhom jew mhedda bihom.

L-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra, anke fl-Unjoni Ewropeja li seħħew riċentement, għandhom jiftħu għajnejn kulħadd għar-riskji serji li tali fenomenu t’immigrazzjoni illegali b’dokumenti foloz jista’ jġib miegħu għan-nies innoċenti” qal il-Maġistrat.

Il-Qorti qieset li l-imputat fuq dikjarazzjoni tal-Uffiċjal Prosekutur irriżulta li kien qiegħed iħeġġeġ u jiffacilità persuni ohra biex jiġu f’pajjiżna jakkwistaw dokumenti foloz biex ikunu jistghu jidhlu f’terriroji oħra barranin, li għandu fedina penali netta u l-ammissjoni bikrija tiegħu.

Il-Qorti wara li ikkundannatu tliet snin u sitt xhur priġunerija, irrakomandat lid-Direttur Ġenerali tal-Faċiilità Korrettiva ta’ Kordin biex jaghti l-għajnuna medika kollha li hemm bżonn lill-ħati. Fl-aħħarnett il-Qorti theġġeġ lill-Uffiċjal Priniċipali tal-Immigrazzjoni li x’hin il-ħati jiskonta s-sentenza jimxi ma’ dak li jipprovdi l-Att tal-Immigrazzjoni u jirripatrijah lejn il-Gambja, liema pajjiż m’huwiex wieħed minn dawk indikati li persuni ġejjin minn hemm jenħtiġilhom xi tip ta’ protezzjoni. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Karl Roberts.