Il-Parlament tal-Ewropa rratifika l-ftehim kummerċjali ta’ wara Brexit bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit – b’dan il-pass jaċċerta t-tkomplija ta’ kummerċ ħieles mill-kwoti u tariffi.
Il-ftehim magħruf bħala Trade and Co-operation Agreement (TCA) kien ilu effettiv fuq bażi proviżorja minn Jannar u, ilbieraħ, id-deputati fil-Parlament Ewropew ivvutaw favur ir-ratifika ta’ dan il-ftehim b’660 favur kontra 5 – u bi 32 astensjoni.
Lord David Frost, in-negozjatur ewlieni tar-Renju Unit għal Brexit, qal li dan il-vot, issa, hu garanzija ta’ ‘ċertezza’ dwar il-ftehim filwaqt li jippermetti biex ir-Renju Unit u l-Ewropa jikkonċentraw fuq il-futur.
Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, ukoll esprima sodisfazzjon dwar l-iżviluppi u fisser ir-ratifika mill-Parlament Ewropew bħala ‘l-aħħar pass wara vjaġġ twil’.
Il-ftehim kummerċjali jipprovdi stabbilità għar-relazzjoni ġdida ta’ Londra mal-Unjoni Ewropea bħala sieħba kummerċjali ewlenin. Fl-istess ħin, il-patt jissimbolizza l-istatus tar-Renju Unit u l-Unjoni bħala alleati ugwali f’termini ta’ sovranità.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li dan il-ftehim jimmarka l-bażi ta’ sħubija soda mar-Renju Unit. Hi sostniet ukoll li l-implimentazzjoni ‘preċiża’ tal-kriterji tal-patt hi ħaġa essenzjali li jridu jħarsu n-naħat rispettivi.
Madankollu, Guy Verhofstadt, l-eks Prim Ministru tal-Belġju u llum il-Koordinatur ta’ Brexit għall-Parlament Ewropew, fisser il-ftehim bħala ‘falliment għall-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit’ u meta skont hu, ‘dan (il-ftehim) hu aħjar mix-xejn’.
Fl-istess ħin, għad fadal it-tensjoni relatata ma’ Brexit meta għadha valida it-theddida ta’ Franza biex tieħu ‘passi kontra r-Renju Unit’ wara l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda għas-sajd.
Intant, hemm ukoll il-kwistjoni delikata tal-kummerċ mal-Irlanda ta’ Fuq li taqa’ taħt sovranità Britannika.
Skont protokoll separat, l-Irlanda ta’ Fuq għadha ,effettivament, parti mis-suq komuni tal-UE u li jfisser li l-prodotti li jaslu hemm mir-Renju Unit iridu jkunu suġġetti għar-regoli ta’ evalwazzjoni speċifiċi tal-Unjoni. U mindu Brexit daħal fis-seħħ ma naqsux ir-rapporti dwar l-intoppi relatati ma’ dik iz-zona ta’ kummerċ partikulari.
Hu minnu wkoll li l-ftehim TCA ikopri l-prodotti u mhux servizzi. Dan meta l-ekonomija tar-Renju Unit hi dominata mis-servizzi ewlenin relatati mas-setturi tal-banek, l-assikurazzjoni, ir-reklamar u konsulenza legali.
//= $special ?>