Lokali Qorti

Allegati frodisti ta’ ‘scam’ romantiku jingħataw il-pleġġ

Grupp ta’rġiel akkużati li jmexxu ‘scam’ romantiku inħelsu fuq pleġġ wara li l-qorti semgħet kif l-irġiel ħallsu lura lill-vittma l-ammont kollu allegat iffrodat.

Oliver Chamberline Chibuike, ċittadin Niġerjan ta’ 38 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar, Collins Eguavoen ta’ 29 sena u Ayub Ali Khan Mohammed, ċittadin Indjan ta’ 22 sena li joqgħod is-Swieqi, ġew mixlija 10 ijiem ilu bi diversi atti ta’ ħasil ta’ flus allegatament imwettqa bejn Jannar u Marzu.

L-investigaturi investigaw it-tliet suspettati wara rapport ta’ mara anzjana li ddikjarat li kienet frodata madwar €15,000 wara li ġiet ingannata biex tidħol f’relazzjoni online.

Collins, li kien mixli wkoll li allegatament kiser il-kundizzjonijiet preċedenti tal-libertà proviżorja, kien diġà tressaq il-Qorti fi Frar, bħala wieħed minn grupp ta’ sitt suspettati, akkużat li qarraq u għamel vittma anzjana oħra f’madwar €58,000.

F’dik l-okkażjoni, il-vittma ġiet imħajra f’relazzjoni virtwali ma’ raġel fittizju, li fil-fanstasija huwa suldat Amerikan stazzjonat fl-Afganistan. Il-qorti tat lill-akkużati il-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000, kull wieħed, wara li qalu li tnejn mill-akkużati rrifondew il-vittma l-flus kollha.

L-Ispettur Sarah Zerafa qed tmexxi l-Prosekuzzjoni. L-avukat Arthur Azzopardi assistit lil Chibuike, l-avukat Frank Cassar assistit lil Eguavoen filwaqt li l-avukat Roberto Montalto rrappreżenta lil Ali Khan Mohammed.