Lokali Saħħa

Appell biex il-politiċi ma jinfluwenzawx id-diskussjoni dwar il-PGD

Id-Dekan fil-Fakultà tas-Social Wellbeing fl-Università ta’ Malta, il-Professur Andrew Azzopardi, appella biex l-esperti jingħataw ħin suffiċjenti biex janalizzaw l-effetti u l-implikazzjonijiet serji li jista’ jkollha liġi li tindroduċi l-PGD – test ġenetiku li jsir fuq l-embrijun qabel jiġi impjantat fil-mara.

Prof Azzopardi spjega li din it-teknika tal-PGD tibbaża fuq selezzjoni ta’ dawk l-embrijuni li jkunu b’saħħithom, u telimina embrijuni b’ġenetika li tkun difettuża. Dan sabiex jiżdied is-suċċess tat-tqala.

“Iżda l-ftaħir tas-suċċess xjentifiku u l-progress mediku ma jistax jagħmina minn kwistjonijiet kumplessi”, qal Andrew Azzopardi f’komunikat li ħareġ mill-fakultà tiegħu.

Mingħajr ma jsemmi lill-Ministru Chris Fearne, Azzopardi jistaqsi x’tip ta’ studju preliminari sar qabel din l-idea intefgħet fid-dominju pubbliku. Fil-fatt, kien fuq l-istazzjon laburista meta Fearne semma’ l-PGD, sempliċiment biex jattakka b’mod partiġġjan il-PN.

Fl-aħħar jiem, il-Kap tal-PN Bernard Grech għamel proposti ċari lil hinn mill-PGD, fejn minn issa jrid jagħti appoġġ lill-familji li qed jagħmlu l-proċess tal-IVF. Bernard Grech qed jipproponi li l-mediċini kollha marbuta mal-IVF jingħataw bla ħlas. Dan il-piż, f’xi każi, jaf jitla’ għal eluf ta’ ewro.