Lokali

Carmelo Abela mhux kommess li jrodd lura s-€7,000 li tajjar mit-taxxi tal-poplu

Wara l-laqgħa tal-bieraħ tal-Kumitat tal-Parlament dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Ministru Carmelo Abela ħareġ mal-ewwel jikkummenta fuq Facebook iżda fl-ebda ħin ma talab skuża jew ikkommetta ruħu li jagħti lura s-€7,000 li nefaq f’reklamar partiġġjan.

Il-Ministru Abela instab ħati mill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler li kien kiser il-Kodiċi ta’ Etika bil-mod kif irreklama għalih innifsu minn flus il-poplu.

Ilbieraħ il-Kumitat iddeċieda li ma jaddottax ir-rapport li għamel il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler wara li l-Ispeaker Anġlu Farrugia astjena fil-casting vote tiegħu. Id-deputati tal-Gvern ivvotaw kontra li r-rapport ikun aċċettat u addottat waqt li d-deputati tal-PN Beppe Fenech Adami u Therese Comodini Cachia ivvotaw favur li r-rapport ikun addottat.

Wara l-vot, il-Ministru Carmelo Abela stqarr li issa dan il-każ “ġie eżawrit”.

Filwaqt illi appella biex ikun hemm linji gwida ċari fuq riklamar mill-politiċi, il-Ministru Abela imkien ma kkommetta ruħu li jrodd lura l-flus illi nefaq. Dan minkejja li l-Kummissarju sabu ħati ta’ ksur ta’ etika.