Rapport tal-Unjoni Ewropea qed jikkritika sew lir-Russja u ċ-Ċina wara li dawn il-pajjiżi żiedu l-isforzi biex jiddiskreditaw il-vaċċini kontra l-Covid-19 li qed ikunu prodotti fl-Istati tal-Ewropa. Dan waqt li r-Russja u ċ-Ċina qegħdin jippromwovu l-vaċċini tagħhom anki permezz ta’ kampanji estensivi ta’ disinformazzjoni li jagħtu stampa qarrieqa tas-sitwazzjoni.
Intant, ir-rapport tal-EU External Action Service (EEAS) wissa li, bejn Diċembru li għadda u dan ix-xahar, ‘intensifikat id-disinformazzjoni sponsorjata mill-Istati (tar-Russja u ċ-Ċina) dwar il-pandemija tal-Covid-19’. Ingħad ukoll li l-impenji partikulari kienu indirizzati ‘speċifikament għall-vaċċini li qed ikunu żviluppati fil-Punent.’
Ir-Russja u ċ-Ċina t-tnejn qed jippromwovu kemm jifilħu l-vaċċini ‘rispettivi’ tagħhom għal kontra l-Covid permezz ta’ hekk-imsejjaħ ‘vaccine diplomacy’ li jinkorpora tattiċi għal manipulazzjoni biex in-nies jitilfu l-fiduċja fil-vaċċini ‘tal-Punent’. Fl-istess ħin, ir-Russja u ċ-Ċina jridu jxerrdu dubji dwar l-istrateġiji tat-tilqim li qed imexxu l-istituzzjonijiet tal-UE u pajjiżi oħrajn tal-Punent.
L-EEAS sostna li r-Russja u ċ-Ċina qegħdin jużaw il-media kontrollata flimkien mal-media soċjali ‘u s-sorsi (tal-media) uffiċjali li jużaw id-diplomatiċi’ biex imexxu l-informazzjoni qarrieqa dwar il-kampanji tat-tilqim fl-Ewropa.
L-attentat min-naħa tar-Russja qed ikun imfisser bħala ‘impenn li jinvolvi l-entitajiet kollha tal-Gvern ( f’Moska) fosthom l-awtoritajiet u l-kumpaniji tal-Istat u b’mod partikulari l-istampa kollha f’dan il-pajjiż’. L-allegat ħsieb ewlieni wara dawn l-isforzi jibbaża fuq il-promozzjoni tat-tilqima Sputnik V – b’Moska anki qed takkuża lill-Punent dwar ‘sabutaġġ tat-tilqima li produċew ir-Russi’.
Fil-fatt, l-EEAS saħaq li ‘l-entitajiet tal-media li huma qrib ħafna tal-Kremlin – fosthom it-Twitter account uffiċjali tas-Sputnik V — għamlu minn kollox biex itellfu l-fiduċja tan-nies madwar id-dinja fil-European Medicines Agency (EMA).’ Dan meta r-Russja qed tipprova tixħet dubju fuq il-proċeduri u l-imparzjalità politika ta’ din l-aġenzija.
Fl-aħħar jiem, l-awtoritajiet fir-Russja akkużaw lill-EMA b’li opponiet it-tilqim li qed tipproduċi r-Russja għal kontra l-Covid. Il-kelliema f’Moska, intant, issuġġerew li ċ-ċirkulazzjoni tal-vaċċin ‘Sputnik’ għandu jgħin lis-27 Stati tal-Unjoni Ewropea biex jaċċelleraw il-kampanji tat-tilqim f’din is-sitwazzjoni delikata.
Madankollu, jibqa’ il-fatt li l-manifattur tas-Sputnik V ħalla sa Marzu biex iressaq il-vaċċin inkwistjoni lill-EMA.
Dan il-fattur, iżda, ma żammx lir-Russja milli tattakka lill-osservaturi ( watchdogs) tas-saħħa fis-Slovakkja u l-Brażil talli dawn il-pajjiżi ċaħdu li jużaw is-Sputnik V. L-awtoritajiet fiż-żewġ pajjiżi referew għal nuqqas ta’ data rigward l-effiċjenza u l-kwalità tal-vaċċin Russu – b’Moska ssostni li l-istqarrijiet inkwistjoni ‘qed jibbażaw biss fuq il-fehmiet politiċi’.
Fattur ieħor importanti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hu li l-programmi tat-tilqim fir-Russja mhumiex iżommu l-pass mal-programmi simili li għaddejjin bħalissa fl-Istati tal-UE.
Min-naħa tagħha, iċ-Ċina qed tikkonċentra l-politika tagħha relatata mal-‘vaccine diplomacy’ fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-Istati tal-Balkani,.
Ir-rapport tal-EEAS sostna li s-sorsi taħt il-kontroll tal-Istat ( taċ-Ċina) enfasizzaw ‘l-aċċessibbiltà u s-sorsi stabbli għall-provvista tal-vaċċini li qed ikunu prodotti minn dan il-pajjiż’.Dan ukoll waqt li ċ-Ċina qed tiċċirkola ‘l-istejjer qarrieqa biex iferrxu l-element ta’ dubju dwar is-sigurtà tal-vaċċini tal-Punent – kif ukoll dwar l-oriġini tal-coronavirus’.
Ir-regolatur Ewropew s’issa approva erba’ vaċċini għal kontra l-Covid-19. Dan meta eluf ta’ nies madwar id-dinja, kull siegħa, qegħdin jingħataw it-tilqim tal- Pfizer/BioNTech; l-AstraZeneca/Oxford University; il-Moderna u l-Johnson & Johnson.
Ir-rollout tat-tilqim, fil-fażi inizjali, sab l-intoppi relatati mad-distribuzzjoni u trasport tal-vaċċini prodotti mill-Pfizer u l-AstraZeneca — iżda minn dak iż-żmien, il-Pfizer irnexxilu jżid id-distribuzzjoni tal-vaċċin lill-Istati tal-UE b’mod sostanzjali.
Sadanittant, id-dawmien għar-rollout kien ukoll dovut għat-tħassib dwar il-każi rari tat-trombożi fost in-nies li jitlaqqmu bil-vaċċini tal-AstraZeneca u Johnson and Johnson. Fil-fatt, numru ta’ pajjiżi tal-UE, fosthom id-Danimarka, waqfu għal kollox milli jużaw it-tilqima tal-AstraZeneca, waqt li pajjiżi oħra qed jużaw l-AstraZeneca biss biex ilaqqmu lill-anzjani ta’ ċertu età.
Hu minnu wkoll li xi Stati membri tal-Unjoni bħall-Ungerija u r-Repubblika Ċeka ordnaw ukoll ammont ta’ vaċċini kontra l-Covid li kienu prodotti fir-Russja u ċ-Ċina.
//= $special ?>