Kollox deher li r-Regatta li oriġinarjament kienet skedata bħas-soltu fil-31 ta’ Marzu, setgħet issir fil-15 ta’ Mejju. Dan wara li fl-aħħar miżuri mħabbra mill-Gvern, wieħed ingħata x’jifhem li r-Regatta setgħet tiġi organizzata mingħajr spettaturi. Fil-bidliet fil-miżuri dwar il-Covid-19 ta’ ftit jiem ilu, dwar l-isport intqal li mill-10 ta’ Mejju jista’ jerġa’ jibda t-taħriġ tal-isport professjonali kollu filwaqt li jista’ jkompli l-isport ta’ bla kuntatt iżda mingħajr spettaturi.
L-isport tar-Regatta hu meqjus bħala sport mingħajr kuntatt u filwaqt li l-qaddiefa setgħu jerġgħu jitħarrġu minħabba li n-numru ta’ nies fil-pubbliku żdied minn tnejn għal erbgħa, bdew isiru l-preparamenti biex tiġi organizzata din l-edizzjoni. Wara l-aħħar miżuri mħabbra, fl-aħħar jiem fil-media lokali, ħarġet id-data tal-15 ta’ Mejju bħala d-data li fiha kienet se ssir ir-Regatta. Is-sit netnews.com.mt jinsab infurmat li l-Għaqda Regatta Nazzjonali talbet konferma uffiċjali mill-Awtoritajiet tas-Saħħa dwar din id-data bl-għan li tkun tista’ tħabbarha uffiċjalment.
Iżda r-risposta kienet fin-negattiv, hekk kif intqal lilhom li mill-10 ta’ Mejju jista’ jitkompla biss it-taħriġ ta’ sport mingħajr kuntatt filwaqt li kompetizzjonijiet u avvenimenti organizzati ma jistgħux isiru. Wieħed jifhem li jekk is-sitwazzjoni tal-Covid-19 tkun aktar stabbli, ikunu jistgħu jerġgħu jibdew il-kompetizzjonijiet ta’ sport mingħajr kuntatt u mingħajr spettaturi.
Dan hu skoss ieħor għar-Regatta, sport tradizzjonali li għandu bżonn għajnuna biex jibqa’ jeżisti u jikber. Ġimgħat ilu, kienet inqalgħet kontroversja bejn uħud mill-klabbs u qaddiefa dwar min seta’ jitħarreġ fil-baħar. Dan minħabba li b’risposta għal rikjesta tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor, l-Awtoritajiet tas-Saħħa kienet wieġbet li jistgħu biss jaqdfu sa massimu ta’ żewġ qaddiefa, skont il-miżuri ta’ dak iż-żmien marbuta mal-Covid-19.
Is-sena l-oħra kienet diġà diffiċli għal dawk kollha nvoluti fir-Regatta minħabba li l-attività ta’ Marzu kellha titħassar. Ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja f’Settembru kienet ġiet organizzata b’suċċess fejn anki kien sar Risk Assessment mill-Għaqda. Fil-ġurnata ġew segwiti numru ta’ miżuri biex titħares is-saħħa ta’ dawk involuti fejn anki ngħalqu diversi aċċessi biex ma jattendux spettaturi mal-Port.
//= $special ?>