Il-Gvern Laburista nqabad li ħareġ informazzjoni privata biex jiskurja punti politiċi. Dan meta ġiet illikjata informazzjoni illi kienet qed tindika b’mod skorrett li l-Partit Nazzjonalista ppropona lill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler ghall-kariga ta’ Ombudsman.
Meta mistoqsi direttament mill-ġurnalisti dwar dan, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal illi hija sfortuna li diskussjoni privata li hu kellu mal-Prim Ministru Robert Abela dwar min għandu jigi appuntat Ombudsman, spiċċat ħarġet fil-pubbliku. Bernard Grech qal illi hu evidenti li l-Prim Ministru għandu nuqqas ta’ lealtà u maturità politika.
“Dawn id-diskussjonijiet għandhom jibqgħu privati, biex imbagħad tinħareġ l-informazzjoni tad-deċizzjoni, sfortuntament il-PM dan qed jitraddieh, u dan imur lil hinn mill-maturità politika, filfatt jien ninsab mhux irrabjat imma ddispjaċut li allura ma nistax nafda lill-PM f’diskussjonijiet privat”.
L-Erbgħa, xi ġurnali rrappurtaw li Bernard Grech ried lil George Hyzler bħala l-Ombudsman il-ġdid. Madanakollu, il-Kap tal-PN spjega isem Hyzler ma kienx l-isem li preżenta hu u dan issemma’ biss b’mod informali fost numru ta’ ismijiet oħrajn. Bernard Grech qal li dan ifisser b’mod ċar li l-Prim Ministru ma jridx li l-Kap tal-Oppożizzjoni jafdah.
“Il-PM ma jridx li nafdah, l-ewwel isem li semmejt kien eks Imħallef, ta’ livell, ta’ integrita, u qabel proponejtu, avviċinajtu, kif hu l-obbligu tiegħu. Issuġerejt avukata wkoll, li hija ta’ ħila wkoll, u hawn il-PM m’aċċettax għal raġunijiet politiċi jidhirlu li ma kellux jaċċetta, jien nemmen li din il-persuna ukoll kienet tkun tajba għal dan l-irwol”
“Semmejt l-isem ta’ George Hyzler għax kelli l-impressjoni li t-terminu tiegħu se jiskadi f’Ottubru li ġej; it-terminu iżda kien fadallu u għalhekk ma stajniex nibqgħu nikkunsidrawh… żgur hawhekk li ma kienx l-ewwel preferenza, infatti lil George Hyzler l-anqas kellimtu, l-anqas avviċinajtu, għax jien ma ridtx li b’xi mod inkellem lil persuna li qed jaqdi funzjoni importanti u nipprova nkellmu min-naħa tiegħi waħdi”
Analisti politiċi qalu illi din l-attitudni ta’ Robert Abela tmur kontra l-għajta ta’ Għaqda Nazzjonali illi qed jipprova jimbotta ‘l quddiem il-President George Vella.
//= $special ?>