Lokali Unjoni Ewropea

Iċ-ċertifikat COVID-19 tal-UE jrid jiffaċilita l-moviment liberu mingħajr diskriminazzjoni

Il-Parlament adotta l-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu dwar il-proposta għal ċertifikat biex jitreġġa d-dritt tal-moviment liberu fl-Ewropa matul il-pandemija.

Il-MPE qablu li “iċ-ċertifikat COVID-19 tal-EU” il-ġdid — minflok iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali, kif propost mill-Kummissjoni — għandu jkun fis-seħħ għal 12-il xahar u mhux aktar.

Id-dokument, li jista’ jkun ta’ format diġitali jew tal-karta, se jattesta li persuna tkun tlaqqmet kontra l-coronavirus jew, alternattivament, li din ikollha riżultat negattiv reċenti tat-test jew li tkun irkuprat mill-infezzjoni. Madankollu, iċ-ċertifikati COVID-19 tal-UE la se jservu bħala dokument tal-ivvjaġġar u lanqas se jsiru prekundizzjoni biex jiġi eżerċitat id-dritt għall-moviment liberu, jgħidu l-MPE.

Il-proposta leġiżlattiva li tkopri ċ-ċittadini tal-UE ġiet approvata b’540 vot favur, 119 kontra u 31 astensjoni, filwaqt li dik dwar iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għaddiet b’540 vot favur, 80 kontra u 70 astensjoni. Il-votazzjoni saret nhar l-Erbgħa, bir-riżultati mħabbra l-Ħamis filgħodu. Kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill issa huma lesti biex jibdew in-negozjati. L-għan huwa li jintlaħaq ftehim qabel l-istaġun turistiku tas-sajf.

L-ebda restrizzjoni addizzjonali fuq l-ivvjaġġar u testijiet ħielsa tal-COVID-19

Skont il-Parlament, id-detenturi ta’ ċertifikat COVID-19 tal-UE m’għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivvjaġġar, bħall-kwarantina, l-awtoiżolament jew l-ittestjar. Il-MPE jenfasizzaw ukoll li, sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni kontra dawk li mhumiex imlaqqma u għal raġunijiet ekonomiċi, il-pajjiżi tal-UE għandhom “jiżguraw ittestjar universali, aċċessibbli, f’waqtu u mingħajr ħlas”.

Kompatibbli mal-inizjattivi nazzjonali

Il-Parlament irid jiżgura li ċ-ċertifikat jaħdem flimkien ma’ kwalunkwe inizjattiva stabbilita mill-Istati Membri, li għandha tirrispetta wkoll l-istess qafas legali komuni.

L-Istati Membri għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa fi Stati Membri oħra għal persuni mlaqqma b’vaċċin awtorizzat għall-użu fl-UE mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (attwalment Pfizer-BioNTech, Moderna, AstraZeneca u Janssen). Ser ikun f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jaċċettawx ukoll ċertifikati ta’ tilqim maħruġa fi Stati Membri oħra għal vaċċini elenkati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal użu ta’ emerġenza.

Salvagwardji għall-protezzjoni tad-data

Iċ-ċertifikati se jiġu verifikati biex jiġu evitati l-frodi u l-falsifikazzjoni, kif ukoll l-awtentiċità tas-siġilli elettroniċi inklużi fid-dokument. Id-data personali miksuba miċ-ċertifikati ma tistax tinħażen fl-istati membri tad-destinazzjoni u mhu ser ikun hemm l-ebda bażi ta’ data ċentrali stabbilita fil-livell tal-UE. Il-lista tal-entitajiet li se jipproċessaw u jirċievu d-data se tkun pubblika sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-protezzjoni tad-data skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

Vaċċini affordabbli allokati globalment

Fl-aħħar nett, il-MPE jenfasizzaw li t-tilqim kontra l-COVID-19 jeħtieġ li jiġi prodott fuq skala kbira, bi prezz raġonevoli u jiġi allokat globalment. Huma jesprimu wkoll tħassib dwar il-problemi serji kkawżati minn kumpaniji li ma jikkonformawx mal-iskedi tal-produzzjoni u tal-konsenja.

Kwotazzjoni

Wara l-votazzjoni fil-plenarja, Juan Fernando López Aguilar (S&D, ES), President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili u r-relatur, qal: “Jeħtieġ li ndaħħlu fis-seħħ iċ-Ċertifikat COVID-19 tal-UE biex terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja tan-nies f’Schengen filwaqt li nkomplu niġġieldu kontra l-pandemija. L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw ir-rispons tagħhom b’mod sikur u jiżguraw il-moviment liberu taċ-ċittadini fl-UE. It-tilqim u t-testijiet iridu jkunu aċċessibbli u bla ħlas għaċ-ċittadini kollha. L-Istati Membri m’għandhomx jintroduċu aktar restrizzjonijiet ladarba ċ-ċertifikat ikun fis-seħħ.”