Lokali

Il-Ministru Michael Falzon ifarfar mir-responsabbiltà tiegħu

Il-Ministru Michael Falzon spiċċa jfarfar mir-responsabbiltajiet tiegħu dwar id-deal ta’ San Vinċenz se Paul.

Ir-rapport tal-NAO jikkonferma li d-deal ingħata mid-Dipartiment tal-Kuntratti, bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali mmexxi minn Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari tal-Anzjani Anthony Agius Decelis. Għalkemm issa, il-Ministru Falzon qed ifarfar fuq Michael Farrugia filwaqt li meta kien konfrontat bil-mistoqsijiet tal-ġirnalisti, għażel li ma jikkommettix ruħu li l-kuntratt jitwaqqaf immedjatament.

Jidher li s’issa, il-Ministru tas-Solidarjetà Socjali għadu lanqas biss ra r-rapport tal-Awditur Ġenerali. Dan meta d-deal sar propju meta l-anzjani, bħala responsabbiltà politika, kienu jaqgħu taħtu u taħt Anthony Agius Decelis.

Dan id-deal li ngħata b’direct order imur kontra l-liġi. Ta’ kull sodda, il-Gvern iħallas b’rata ta’ €118, li hi d-doppju ta’ kemm iħallas fil-homes privati. Dan il-kuntratt ġie jiswa’ €274 miljun u lanqas biss tela’ quddiem il-Kabinett.

Dawn huma biss uħud mid-diversi nuqqasijiet li sab l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali illi f’rapport dettaljat jikkundanna lill-Gvern għall-mod kif sar dan id-deal ta’ San Vinċenz.

Id-direct order ingħata sabiex jinbnew erba’ blokok, tinbena kċina u jiġi provdut l-ikel lil 500 sodda bl-NAO isib irregolaritajiet u nuqqasijiet skandalużi.

Ir-rapport tal-NAO fuq id-deal ta’ San Vinċenz de Paul huwa kundanna ċara lejn il-Gvern, hekk kif iqumu diversi dubji dwar il-fatt li ma nħarġet ebda sejħa għal dan il-proġett.

L-Awditur saħansitra jgħid li possibbilment, il-proċess kollu marbut ma’ dan il-kuntratt jaf kien invalidu.