Lokali

“Il-PN se jinċentiva li wieħed jieħu s-sick leave ħalli jieħu ħsieb lill-qraba” – Bernard Grech

“Il-PN għandu għal qalbu lill-familja u lis-soċjetà Maltija”

Paġna ġdida li nemmnu u jkollna fiduċja fil-futur ta’ pajjiżna, iżda jeħtieġ li negħlbu l-isfidi preżenti, Gvern Nazzjonalista se jkun qed iħares mhux biss lill-ħaddiema u x-xogħlijiet, iżda wkoll lill-ambjent, ambjent sagħan, ta’ nuqqas ta’ tħassib, li jgħin lill-poplu Malti u Għawdxi jgħix ħajja aħjar. Il-PN se li se jkun qed iħares lill-familji u lis-soċjetà Maltija. Dan kien wieħed mill-messaġġi tal-Kap tal-PN Bernard Grech f’eżerċizzju ta’ mistoqsija u tweġiba li ttellat il-Ħamis, fil-ġimgħa ta’ Jum il-Ħaddiem.

Fost id-domandi li kellu l-Kap tal-PN wieġeb mistoqsija dwar is-sick leave għall-familjari. Huwa qal li l-PN se jkun qed jaħdem biex wieħed ikun jista’ jieħu s-sick leave tiegħu biex ikun jista’ jieħu ħsieb lill-familjari tiegħu eż, il-ġenitur li jkun irid jibqa’ d-dar jieħu ħsieb lil uliedu. Huwa qal li importanti li fejn hemm bżonn wieħed jippreżenta ċ-ċertifikati meħtieġa biex wieħed ikun intitolat għal dan il-leave.

“Il-PN għandu għal qalbu lill-familja u lis-soċjetà Maltija, u din il-proposta se tkun qed tgħin”  

Bernard Grech qal li f’pajjiżna fl-aħħar snin kien hemm min gawda ħafna u min gawda ftit. Huwa tenna li l-PN fil-Gvern se jagħmel mezz biex il-ġid jasal għanad kulħadd, u li kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar. 

“Se naħdmu, biex il-ħaddiema tagħna, il-poplu Malti u Għawdxi, ikun jista’ jippjana għall-futur, billi bħala poplu jkollna xogħol ta’ kwalità, pagi tajba, u filwaqt li nirsistu biex negħlbu l-prekarjat”

Dwar l-AirMalta Bernard Grech tenna li l-PN se jħares lil-linja Nazzjonali tal-ajru. Fl-aħħar snin taħt Gvern Laburista, ma kienx hemm viżjoni għall-AirMalta u l-ħaddiema li jagħmlu parti minnha. Il-PN dejjem żamm f’qalbu lill-AirMalta u dan se jibqa’ jagħmlu.  

Meta mistoqsi dwar il-Moneyval, Bernard Grech qal li ħa gost jara li Malta ġabet riżultat tajjeb. Huwa qal li jiddispjaċih li kellna ngħaddu minn dan kollu biex inġibu riżultat tajjeb fil-Moneyval, b’sentejn ta’ skandli u daqqa wara l-oħra, dan kollu kaġun tat-tmexxija ħażina min-naħa tal-Gvern Laburista. Il-Kap tal-PN qal li issa jmiss li dawn l-iskandli ma jibqgħux isiru, u li ssir ġustizzja ma’ min kisser ir-reputazzjoni ta’ Malta. Huwa qal li jiddispjaċih jara lil Robert Abela jattakka lill-Uffiċċju tal-Istandards għax dan qed jagħmel xogħolu. Bernard Grech tenna li l-PN se jirsisti biex l-istituzzjonijiet ikunu liberi u indipendenti.

“Għal min ma jleħħaqx biex jixtri proprjetà, Gvern Nazzjonalista se jkun qed jgħin lill-familji l-aktar fil-bżonn, biex kulħadd ikun jista’ javvanza, kulħadd ikun jista’ jagħmel kuraġġ u jimxi ‘l quddiem fil-ħajja tiegħu”

Bernard Grech qal dan wara domanda minn żagħżugħa li b’paga baxxa qed tfittex post. Huwa qal li l-PN qed ifassal politika bi proposti bi skemi li kulħadd ikollu l-possibbiltà li jkun is-sid ta’ daru.

Dwar l-importanza għall-impjiegi ġodda, il-Kap tal-PN qal li jeħtieġ li f’Malta jinħolqu niċeċ ġodda ta’ xogħol. Huwa qal li l-PN qed iħares lejn setturi oħra, fejn Malta tista’ tħares, inkluż l-intelliġenza artifiċjali. Dan apparti li wkoll jibqa’ jsir l-investiment f’setturi oħra li bosta minnhom kien ħoloq Gvern Nazzjonalista, fosthom dawk tal-avjazzjoni, finanzjarji u bil-bosta oħrajn.

Meta mistoqsi dwar l-ambjent huwa qal li meta wieħed isiefer, ifittex li jara s-sabiħ, li jara ambjent nadif, u Gvern Nazzjonalista se jkun qed iħares li jipproteġi l-ambjent Malti, l-ambjent ta’ madwar il-Port il-Kbir u mhux hekk biss anki l-ambjent fejn zoni industrijali. Huwa qal li l-iżvilupp huwa tajjeb dejjem jekk ikun hemm bilanċ iżda tenna li l-abbuż huwa ħażin.

“L-ambjenti komuni ta’ Malta, l-ispazji pubbliċi, naraw li dawn jingħataw ħajja ġdida, fi spazji industrijali anki dawk tal-Port il-Kbir. Irridu naħdmu biex l-ambjent Malti jkun aħjar u aktar b’saħħtu”

F’messaġġ aħħari l-Kap tal-PN, Bernard Grech tenna li l-PN se jkompli jibni fuq politika ta’ fejda u ġusta li tħares lill-poplu kollu, lill-ħaddiema, lill-anzjani, lill-familji, żgħażagħ u tfal. Huwa tenna li l-PN se jibqa’ viċin is-soċjetà u jħoss il-polz tal-poplu biex ikun qed iħares tassew is-sentiment tal-poplu Malti u Għawdxi.