Lokali

Ir-rapport finali tal-Moneyval se jkun ippubblikat fis-sajf

Wara sentejn ta’ skandli u daqqa wara l-oħra kaġun tat-tmexxija ħażina minn naħa tal-Gvern Laburista, issa jidher illi Malta rnexxielha tgħaddi mit-test tal-Moneyval.

Iżda jidher li r-rapport tal-assessjar għadu wieħed sigriet u mistenni jkun ippubblikat mill-Moneyval fis-sajf li ġej.

Sentejn ilu rapport tal-MoneyVal kien ta lill-Gvern Malti rating fqir fejn tidħol il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus… fejn il-Gvern falla f’9 minn 11-il qasam f’dan ir-rigward. Dan wassal biex diversi negozji kienu inkwetati bis-sħiħ minħabba dan ir-rapport, bil-Gvern Laburista ma jagħmel kważi xejn biex jipproteġi lill-poplu Malti quddiem dan it-test.

Dan kollu wassal biex pajjiżna kien qed jirriskja li jispiċċa fil-lista l-griża…. li fiha tinkludi pajjiżi bħaż-Żimbabwe u l-Pakistan. Din il-lista hija biss pass ‘il bogħod milli l-pajjiż jispiċċa blacklisted…. lista li tinkludi lill-Iran u l-Korea ta’ Fuq.

Iżda l-pożizzjoni finali tal-Moneyval mhix l-aħħar stadju ta’ dan l-iskrutinju fil-konfront ta’ Malta. Id-deċiżjoni jekk pajjiżna jispiċċax fil-lista l-griża se tittieħed mill-Financial Action Task Force ftit tal-ġimgħat oħra.

Ta’ min wieħed ifakkar li ebda pajjiż tal-Unjoni Ewropea qatt ma spiċċa fil-lista l-griża.