Fil-Qorti qed ikompli l-każ ta’ Robert Agius, Adrian Agius, Jamie Vella, u George Degiorgio li jinsabu akkużati fost l-oħrajn bl-involviment tagħhom f’żewġ delitti: dak tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-qtil tal-avukat Carmel Chircop.
Illum għall-ewwel darba issejjaħ biex jagħti x-xhieda tiegħu Melvin Theuma, għalkemm fil-bidu tas-seduta instema’ maħnuq bil-Maġistrat tgħidlu biex jistrieħ.
Thuema rrepeta diversi fatti li issa ilhom magħrufa fosthom li Daphne Caruana Galizia kienet se tikteb xi ħaġa u kien għalhekk li riedu joqtulha, li tħallas depożitu ta’ €30,000 qabel id-delitt u li wara l-laqgħa li kellu ma’ Alfred Degiorgio l-Imsida ċempillu Sandro Craus mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jinfurmah li kellu laqgħa skedata ma’ Keith Schembri.
Theuma semma’ kif Fenech kien tah €150,000 biex imexxi bil-pjan u jgħid li żamm €120,000 għandu sakemm ilestu kollox.
Fil-Qorti l-middleman jgħid li Yorgen Fenech kien il-ħin kollu jgħidlu biex jgħidilhom imexxu bil-pjan għaliex kien qed jibża’ li Daphne Caruana Galizia kienet se toħroġ xi informazzjoni dwaru. Meta Theuma kien jinkwieta, Fenech kien darba qallu li “l-power tagħna l-flus.”
Jingħaw ukoll dettalji dwar ħanut f’Ħal Qormi li Yorgen Fenech kien xtaq jikri mingħand Melvin Theuma biex jagħmlu ħanut tal-logħob. Melvin Theuma jispjega li wara kien daħli jaħdem Portomaso bit-taxi, xogħol li skont Theuma xtaq jagħmel għaliex minnu seta’ jdaħħal il-flus.
Melvin Theuma jispjega x’kienu jagħmlu fil-Bidnija sa ma waslet il-ġurnata biex tinqatel il-ġurnalista. Hu saħaq li darba minnhom l-aħwa Degiorgio kienu qalulu “qtilna tant bulijiet ma noqtlux lil din. “Theuma jisħaq li meta nqatlet Daphne Caruana Galizia, qabditu biża’ kbira u kien mar għand Yorgen Fenech biex jgħidlu. Fenech kien qallu biex ma joqgħodx jinkwieta għax il-Pulizija ta’ barra jaħdmu bħal ta’ Malta.
Fil-Qorti, Theuma qal li Yorgen Fenech kien qallu li l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, għandhom problemi kbar għaliex kien sar jaf li kien se jsirilhom raid taħt it-tinda tal-patata. Thuema kien mar jinforma lill-aħwa. Mhux ċert minn fejn Fenech kien ġab din l-informazzjoni sensittiva li suppost kienet biss għand l-awtoritajiet.
Theuma saħaq li wara r-raid tfixkel, beda jixrob ħafna u jibla l-primli. Jgħid li darba tela’ fuq il-bejt biex jagħmel suwiċidju iżda ftakar li kieku għamel hekk, Yorgen Fenech kien ikun ħieles għax l-aħwa Degiorgio ma kienux jafu bih. Isemmi kif Fenech kien tah €5,000 biex imur vaganza u hu kien għażel li jmur Londra mal-familja tiegħu. Theuma saħaq li beda jaħseb li Yorgen Fenech kien se joqtlu għaliex stqarr li la wasal biex joqtol ġurnalista għax kienet se toħroġ informazzjoni, aħseb u ara x’kien lest jagħmel lil min kie nse jitfgħu għomru l-ħabs.
Meta kien qed jitkellem dwar l-involviment tal-aħwa Agius, Thuema jgħid li lil ‘Tal-Maksar’ ma’ jafhomx u jispjega li kien Yorgen Fenech li qallu jmur ifittixhom għax Vince Muscat kien qed jikxef mal-Pulizija li l-bomba kienu għamluha huma. Dan kollu jmur lura għas-sena 2018 meta din l-informazzjoni suppost kienet biss għand il-pulizija u persuni ta’ kariga għolja f’Kastilja.
Fix-xhieda jissemmew ukoll Johann Cremona u Kenneth Camilleri fejn Theuma jispjega li darba minnhom marru d-dar tiegħu. Camilleri kien qallu li l-aħwa Degiorgio u ‘l-Koħħu’ kienu se jieħdu l-pleġġ u jingħataw €1 miljun kull wieħed. Theuma beda jistaqsi minn fejn ġie dan Kenneth Camilleri u Yorgen Fenech kien qallu li ma jafx u li kien se jiċċekkja. Jidher li Fenech kien ikkonferma li kien Keith Schembri li kellem lil Kenneth Camilleri u involvih u jintqal ukoll li Johann Cremona kien jaf kollox, kien jaf id-dettalji kollha apparti min għamel il-bomba.
Melvin Theuma kompla jixhed u reġa’ rrefera għar-recordings u kif kien jagħmilhom. Il-middleman spjega li bir-recordings kienet taf ukoll it-tifla tal-partner tiegħu għax kienet hi li wrietu kif jirrekordja. Theuma spjega li mhux dejjem kien jirrekorjda lil Fenech.
Waqt ix-xhieda tiegħu Melvin Theuma spjega li Fenech ġieli għamel xahar ma jirrispondihx imma flus dejjem ipprovdielu. Hu jgħid li Yorgen Fenech ipprova anke jiftaħlu negozju, biex ibiegħ id-deheb, fejn kien anke ġablu deheb minn barra l-pajijiż. Theuma jgħid li kien tah kollox lura u jistqarr li Fenech kien tah €150,000 biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.
Meta kien qed jispjega affarijiet oħrajn, Theuma qal li Fenech kien qallu li hu ma kienx se jaċċetta li Theuma jiġi arrestat fuq ħasil ta’ flus u kien wegħdu li jekk jarrestawh imur ħdejn id-Depot fil-Floriana u jekk idum jidħol għalih hu. Theuma stqarr li kien jaf meta kien se jkun arrestat għax kienu qalulu.
L-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud staqsa lil Theuma kif sar jaf lil Yorgen Fenech fejn il-middleman stqarr li Fenech kien jieħdu Franza għaż-żwiemel u kien iħallaslu kollox hu. Mistoqsi jekk hemmx affarijiet li jrid iżid, Theuma jgħid li Johann Cremona u Yorgen Fenech kienu qalulu li l-eks Ministru u eks Deputat Mexxej tal-PL, Chris Cardona kien qabbad lill-aħwa Degiorgos biex jioqtlu lill-ġurnalista. Il-middleman jistqarr li kien jikkomunika ma’ Yorgen Fenech permezz ta’ Whats App u Signal. Din tal-aħħar kienet app li kien niżżillu fuq il-mobile Fenech stess.
//= $special ?>