Lokali

“Kull kuntratt ta’ valur sostanzjali li daħal fih il-Gvern Laburista jqajjem dubji serji” – PN

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista

L-Uffiċċju tal-Awditur tal-Verifika jerġa jikxef kif kull kuntratt ta’ valur sostanzjali li daħal fih il-Gvern Laburista juri li kull proġett iqajjem dubji serji.

Wara li l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi talab lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) biex jeżamina l-kuntratt iffirmat mill-Gvern ta’ €274 miljun f’San Vinċenz de Paule, l-NAO innotat li dan il-kuntratt huwa mimli irregolaritajiet.

L-aktar serji fost dawn l-irregolaritajiet huwa l-proċess li wassal għal dan il-kuntratt li mhux biss jagħmlu l-proċess irregolari iżda ukoll li l-bażi legali li waslet għall-għoti tiegħu hija dubbjuża. L-Uffiċċju tal-Awditur tal-Verifiki ddikjara ukoll li fil-konfront ta’ wieħed mill-kuntratti investigati hemm tħassib serju dwar jekk dak il-kuntratt kienx diġa ġie miftiehem qabel ma l-Gvern ippubblika ssejħa.

Ir-rapport ippubblikat ilbieraħ mill-Uffiċċju tal-Awditur tal-Verifika jerġa jikxef kif kull kuntratt ta’ valur sostanzjali li daħal fiħ il-Gvern Laburista huwa mogħni b’diffetti serji li juru metodu u proċess ta’ kif Gvern Laburista juża l-interess pubbliku sabiex jgħaddi flus il-poplu mingħajr rażan.

F’dan il-każ, gvern Laburista uza l-kura u r-residenza tal-anzjani sabiex jiġġustifika nfieq bi proċeduri dubbjużi. Rapporti oħra tal-Uffiċċju tal-Awditur tal-Verifika jgħidu kif anke l-kuntratt tal-proġett talElectrogas u tal-proġett tal-Vitals huma ukoll mogħnija b’irregolaritajiet u kull wieħed minn dawn ilproġetti jqajmu dubji serji dwar x’kien il-veru iskop wara l-użu ta’ proċeduri irregolari għal dan l-infiq.

Gvern Laburista għadu sa llum ma għamel xejn sabiex jindirizza n-nuqqasijiet li sab l-Uffiċċju talAwditur tal-Verifika fuq il-proġetti tal-Electrogas u tal-Vitals. Wara l-publikazzjoni ta’ dan ir-rapport dwar San Vinċenz de Paule, il-Gvern Laburista sa issa offra biss skużi b’Ministru jitfaħha fuq l-ieħor.

L-Oppożizzjoni tippretendi li kull min huwa politikament responsabbli għan-nuqqasijiet serji misjuba mill-Awditur Ġenerali għandu jerfa’ r-responsabbilita’ għal dawn in-nuqqasijiet. Ir-rapport huwa ċar dwar min huwa politikament responsabbli u l-Oppożizzjoni tippretendi li wara snin ta’ aġir abbużiv u bla rażan tad-deputati tal-gvern li kisru kull tip ta’ etika u prinċipji fl-infiq ta’ flus il-poplu, il-gvern Laburista għandu juri bil-fatti u mhux bil-kliem qarrieqi li jrid isewwi dak li huwa stess kisser.

Għaliex għall-Gvern Laburista xejn m’hu xejn, tibqa’ ma tintrefa’ l-ebda responsabbilita’ politika minn Robert Abela li hu kontinwita’ ta’ ħabi, ħtif u qerq.

Din l-istqarrija tal-PN kienet iffirmata mill-Kelliem għad-Drittijiet Umani u l-Governanza Tajba, Therese Comodini Cachia.