Internazzjonali

L-Indja: Jivvutaw f’elezzjonijiet tal-Istat fost l-imwiet rekord mill-Covid-19

Il-poplu f’Bengal tal-Punent fl-aħħar sigħat kien qed jivvota fl-aħħar fażi tal-elezzjonijiet tal-Istat minkejja l-isplużjoni tal-każi u mwiet mill-pandemija tal-Covid-19.

Dan waqt li spikkaw is-sriebet twal tan-nies barra l-postijiet tal-votazzjoni, fost l-inkwiet kbir li l-coronavirus ikompli jinvirex – b’riżultati jerġa’ aktar devastanti – meta l-pajjiż jinsab fil-morsa tat-tieni mewġa tal-pandemija.

L-esperti u l-awtoritajiet mediċi, fil-fatt, qegħdin jinkwetaw li Bengal tal-Punent kapaċi jsir l-epiċentru ġdid tal-coronavirus fl-Indja. Dan meta l-każi tal-infezzjoni f’dan l-Istat żdiedu bi 17,000 nhar l-Erbgħa —  u li hu rekord għal dik iz-zona.

Il-kriżi tal-Covid bl-ebda mod mhi qed tbatti fl-Indja meta nhar l-Erbgħa kienu rappurtati madwar 380,000 infezzjoni ġdida fuq livell nazzjonali.

Iċ-ċifra tal-infezzjonijiet hi l-ogħla waħda rappurtata madwar id-dinja għal pajjiż wieħed fuq perjodu ta’ 24 siegħa.

Sadanittant, l-awtoritajiet f’Bengal tal-Punent, s’issa, mexxew seba’ fażijiet tal-votazzjoni.

L-Istat Indjan partikulari hu fost il-ftit Stati fejn il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, mgħandux il-maġġoranza tas-siġġijiet parlamentari.

Fl-istess ħin,  Narendra Modi qed ikun suġġett għall-kritika qawwija minħabba l-fatt li hu kompla jorganizza r-rallies politiċi f’Bengal tal-Punent minkejja li l-pajjiż kollu għaddej minn traġedja umana, fost l-impatt qattiel tal-coronvirus – u bl-isptarijiet ma jistgħux ilaħħqu mal-każi.

L-osservaturi u korrispondenti f’Bengal tal-Punent qalu li folol kbar tan-nies dehru mingħajr il-maskli tal-wiċċ – u fejn huma ma rispettawx il-kriterji għad-distanzi soċjali – waqt ir-rallies politiċi ewlenin, inklużi dawk li attenda għalihom il-Prim Ministru Modi.

Fl-Indja, s’issa, qed jitlaqqmu l-ħaddiema tas-saħħa u frontliners oħra – flimkien mal-adulti ta’ ‘il fuq minn 45 sena. Madankollu, anqas minn għaxra fil-mija tal-popolazzjoni laħqu ngħataw it-tilqima inizjali fost it-tħassib li l-pajjiż mhux se jirnexxilu jlaħħaq mad-domanda.

Minkejja li l-Indja hi fost l-akbar prodotturi tal-vaċċin fid-dinja, hu minnu li l-pajjiż mgħandux (għalissa) il-ħażniet għal madwar 600,000 persuna li jkunu eliġibbli għat-tilqima mis-Sibt, l-1 ta’ Mejju.