Lokali Turiżmu

“Il-PN se jibqa’ jaħdem biex il-ħaddiem Malti jingħata l-opportunità” – Bernard Grech

“Il-PN se jibqa’ jaħdem biex il-ħaddiem Malti jingħata l-opportunità li jifjorixxi t-talenti tiegħu”. Hekk tenna il-Kap tal-PN Bernard Grech waqt li kien qed iżur il-lukanda Westin Dragonara l-Ħamis waranofsinhar.

Bernard Grech ħares lejn l-investiment li qed isir minn oparaturi privati biex isaħħu lilhom infushom, u jattiraw aktar turisti. Huwa qal li l-PN se jibqa’ jaħdem għal isem pajjiżna, anki fir-rigward tat-tisħiħ tal-prodott Malti.

“Importanti li ninbutaw u nippromwovu l-prodott Malti”

Bernard Grech qal li hu evidenti li s-settur tat-turiżmu beda jinbena u jisaħħaħ minn Gvernijiet Nazzjonalisti, u dan hu settur ta’ suċċess kbir. Huwa tenna li l-PN għadu qed iħares u jħaddan miegħu dan is-settur hekk kif fl-aħħar jiem preżenta ‘l fuq minn 100 proposta għas-settur turistiku f’pajjiżna u pjan ta’ rkupru wara l-Covid-19.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jattira aktar setturi ekonomiċi ġodda u fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed iressaq l-pjanijiet tiegħu għall-elettorat. Setturi ġodda li l-Partit Nazzjonalista qed jibni flimkien mal-mexxejja fl-industrija lokali, akkademiċi u individwi li lkoll għandhom komuni, ekonomija li ma tippreġudikax l-ambjent u li ma tagħmilx qliegħ mill-prekarjat.

Matul din iż-żjara, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN u Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Turiżmu Robert Arrigo, il-Kandidati Alex Borg u Joseph Grech, kif ukoll Jeremy Cardona mis-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN).