David Thake, PN
Id-deputat Nazzjonalista David Thake sostna fil-parlament ilbieraħ li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni bejn għaqdiet volontarji kif sar favur il-Fondazzjoni Marigold, li kienet titmexxa minn Michelle Muscat, il-mara tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat.
David Thake enfażizza l-importanza li n-negozji jkollhom l-istabbiltà neċessarja partikolarment fil-perjodu fejn in-negozji qed ibatu minħabba l-pandemija. Hu sostna li minbarra dan fl-aħħar tal-2019, il-pajjiż iffaċċja kriżi politika li tat daqqa oħra lin-negozji.
Hu kompla li 20% tar-ristoranti f’Malta u Għawdex għalqu u mhux se jerġgħu jiftħu minħabba l-pandemija; wara sena u erba’ shur tal-COVID il-poplu qed jistaqsi kemm se jdum għaddej b’dawn il-miżuri.
Għalhekk jeħtieġ li l-miżuri li qed jittieħdu jkunu spjegati b’aktar dettal lil min qiegħed fin-negozju. Dan il-gvern mar minn estrem għall-ieħor għaliex f’Jannar il-Prim Ministru kien qed jiddikjara li fi Frar l-pajjiż kien se joħroġ mill-pandemija.
Minn hemm il-pajjiż mar għall-estrem ta’ maksri fuq il-bajja u ristoranti mftuħin sal-5 pm. Il-poplu jrid ikun ċert li l-gvern mhux qed jilgħab logħba politika, sostna David Thake, li qal li r-ristoranti se jsibu problema biex isibu n-nies għaliex ħafna ħaddiema fis-sttur telqu lejn pajjihom.
Il-gvern irid ikun lest jgħin għaliex il-governanza tajba hi essenzjali f’kull livell. Hu kkritika r-rigali ta’ vaganzi ta’ €10,000 li ċertu negozjanti taw lil persuni fil-gvern; dan mhux aċċettabbbli.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-proġett tal-UE ‘Wifi for EU’ li biha l-lokalitajiet jinstallaw internet b’xejn għall-pubbliku. Hu sostna li l-gvern waqa’ lura f’din l-inizjattiva u għandu jispjega għaliex xahrejn qabel jgħalaq it-terminu bil-konsegwenza li se jintilu l-fondi.
F’xahrejn 19-il lokalità suppost se jagħmlu dan ix-xogħol iżda għadu ma sar xejn, sostna David Thake, li kompla li l-pjan tal-gvern hu li dawn il-flus jintilfu biex tingħata direct order.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern qed jimponi restrizzjonijiet fuq il-ġbir mill-għaqdiet volontarji daqs li kieku dawn qed jaħslu l-flus iżda meta l-gvenr ħoloq l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti kien jintlqal li biex ikun hemm vataġġ min jixrti passaport kellu jagħti donazzjoni lill-Fondazzjoni Marigold. Din hi diskriminazzjoni anki bejn il-karità sempliċiment għax il-persuna li kienet tmexxi din il-fondazzjoni kienet il-mara tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.
Ma jistax ikun li l-Ministru Ian Borg jagħti €60,000 lit-tfila tal-ex chief of staff tiegħu li għad lanqas laħqet avukat biex tagħti pariri lill-ministeru. L-opportunitajiet għandhom ikunu indaqs għal kulħadd, sostna Daid Thake.
Dwar l-intrapriżi soċjali, David Thake qal li l-gvern Laburista kien nieda white paper li kienet minsija għal sitt snin biex issa qed iressaq liġi li qed issir bla konsultazzjoni. Hu staqsa jekk l-għaqdiet volontarji hux se jitħallew isiru entitajiet kummerċjali. Il-gvern qed jipprova jikkontrolla lill-għaqdiet volontarji b’mod eċċessiv, sostna David Thake, li spjega wkoll kif il-ħafna kontrolli li qed jinsisti fuqhom il-gvern se joħolqu problemi.
//= $special ?>