Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs u multa ta’ €700 wara li nqabad bil-kokaina f’Paceville

Żagħżugħ ta’ 26 sena minn Santa Venera ġie kundannat sitt xhur ħabs u multa ta’ €700 wara li fil-pusses tiegħu kellu kokaina li nstabet f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu personali tiegħu ngħata l-libertà proviżorja. Huwa kien qed iwieġeb mhux ħati.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur tal-Pulizija Gabriel Micallef, spjegat lill-qorti li Colin Ciangura nqabad bi tmien pakketti kokaina fi stabbiliment ta’ Paceville fil-5 ta’ Settembru. Ciangura ma nstabx ħati li kkommetta reat f’distanza ta’ 100 metru minn skola jew post fejn jiltaqħu ż-żgħażagħ.

Is-Surġent Antoine Micallef kien xehed li fil-5 ta’ Settembru 2015 għall-ħabta tal-11.30pm waqt li kienu qed iwettqu tfittxijiet fit-toilet cubicles tal-istabbiliment Dash Discotheque Pf’faceville, waqqfu lill-imputat u kuntistabbli għamel tfittxija fuq il-persuna tiegħu. Fil-but tax-xellug tiegħu instab pakkett sigaretti ta’ lewn aħmar, li kien fih ammont ta’ boroż bi trab abjad.

Ix-xhud żied jgħid illi l-imputat twaqqaf fil-partijiet komuni tat-toilet cubicles, fejn kien qiegħed fil-kju biex jidħol fil-cubicles u illi hekk kif daħlu hu u l-kollegi tiegħu, in-nies li b’kollox kienu tlieta, infirxu u waqqfuhom. L-imputat ukoll prova jitlaq ‘il barra.

L-Ispettur Gabriel Micallef li mexxa l-Prosekuzzjoni spjega li Ciangura, kellu karozza Mercedes Benz iżda ma kienx jaħdem. L-ispettur spjega wkoll li dak inhar xi ħadd wasal id-dar ta’ Ciangura qabel ma għamlu l-pulizija u daħal ġewwa, li jimplika li dan xi ħadd qered evidenza potenzjali li setgħet inkriminat aktar lill-akkużat. Il-pulizija sabu biss xi ‘boroż’ vojta assoċjati mat-traffikar tad-droga fid-dar tal-akkużat.

Estratti meħuda mit-trab ta’ lewn abjad, li hija is-sustanza kokaina sabet li l-piż totali tat-trab kien ta’ 3.34 grammi u l-purita kienet ta’ madwar 18%. Il-Qorti tosserva illi d-difiża għamlet diversi sottomissjonijiet fis-sens illi d-droga misjuba fil-pussess tal-imputat kienet intiża biss għall-użu personali tiegħu.

Fost dawn issostni illi l-imputat kien waħdu meta ġie mwaqqaf mill-pulizija u illi huwa ċar illi kien dieħel fit-toilet cubicle sabiex jabbuża minn din id-droga waħdu. Id-difiża qalet ukoll li Ciangura kien stqarr li huwa kien jixtri d-droga bi kwantitá li kien iqattagħha sabiex ikun jista’ jużaha matul il-ġurnata, kif ukoll illi l-imputat kien maħkum sew bil-vizzju tad-droga.

Il-Qorti qalet li fl-istqarrija tiegħu l-imputat ma jgħid xejn minn dan, l-atti huma għal kollox nieqsa minn provi dwar il-vizzju qawwi tad-droga li d-difiża tgħid illi limputat kellu fiż-żmien tal-każ odjern.

Mill-istqarrija tal-akkużat stess, jirriżulta illi l-imputat kien ilu juża l-kokaina bejn erba’ u sitt xhur u illi kull tliet ġimgħat, fil-weekend kien jagħmel użu mill-kokaina, skont hu, f’ammont ta’ bejn erba’ jew ħames grammi u skont il-flus li kien ikollu.

Jekk kif jgħid hu, kien jagħmel użu mid-droga kull tliet ġimgħat, allura ma jistax jingħad li kellu vizzju qawwi tad-droga. Lanqas ma jirriżulta illi l-imputat kien waħdu meta l-pulizija daħlet għall-għarrieda fit-toilet cubicles, iżda anzi għall-kuntrarju jirriżulta illi l-imputat kien qiegħed jistenna wara ħaddieħor sabiex jagħmel użu mill-istess cubicles, għakemm ma jistax jingħad mill-provi jekk l-imputat kienx fil-kumpanija ta’ ħaddieħor.

Il-Qorti qalet li s-sejba ta’ numru ta’ boroż normalment assoċjati ma’ traffikar ta’ droga fir-residenza tal-imputat; sejba li mill-provi, ma tagħti ebda sostenn lis-sottomissjoni tad-difiża li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni illi l-imputat kien sejjer b’xi mod iqassam jew jittraffika xi droga.

Għaliex l-imputat kien jeħtieġ li jkollu din il-kwantità ta’ boroż fil-pussess tiegħu, meta fl-istqarrija tiegħu, huwa qal illi kien jixtri d-droga f’pakketti u li kien jixtrihom bil-waħdiet, bħal dawk li nstabu fil-pussess tiegħu.
Mhux biss, iżda fl-istqarrija tiegħu l-imputat jgħid li ma kienx jaħdem u illi kien ilu wieqaf xi xahar mix-xogħol, f’liema xogħol kien jaħdem biss part-time u kien qiegħed bi prova. Hu kellu kera ta’ €300 fix-xahar u kien jagħmel pagamenti ta’ €113 fix-xahar fuq il-vettura tiegħu, filwaqt li kellu relief ta’ €400 fix-xahar u €80 f’sussidju tal-kera.

Dan ifisser li l-flus li kien idaħħal kienu jammontaw kważi daqs is-somma li kellu bżonn biss għall-kera u għall-pagamenti fuq il-vettura. Skont hu, imbagħad, kien xtara d-droga li kellu fil-pussess tiegħu għas-somma ta’ €240.
Għalkemm jgħid li kien jissellef mingħand ommu u mingħand nanntu, l-infieq fuq id-droga ċertament li ma kienx rikonċiljabbli ma’ dak li kien idaħħal fi flus.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti sabet lil Ciangura ħati. Ma jirriżultax mill-atti li dan il-post, anke jekk diskoteka jew club, huwa xi post fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Fil-fehma tal-Qorti, mhuwiex suffiċjenti li l-Prosekuzzjoni turi li r-reat seħħ fi club jew diskoteka, mingħajr ma ssir prova ta’ dak li jikkwalifika l-post. Fin-nuqqas ta’ prova li Dash Discotheque huwa post fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ, il-Qorti ma tistax issib lill-imputat ħati ta’ dan l-aggravju.

Għall-fini ta’ piena, il-Qorti qegħda tqis, il-kondotta tal-imputat fejn jirriżulta illi preċedentement l-imputat instab ħati ta’ kompliċità f’serq aggravat, tentattiv ta’ serq aggravat u serq aggravat f’iżjed minn okkażjoni waħda, assoċjazzjoni sabiex isir delitt, offiża ta’ natura ħafifa, fastidju, biża’ li ser tintuża vjolenza u reat kontravenzjonali, dwar liema huwa ġie mqiegħed taħt Ordni ta’ Probation f’żewġ okkażżjonijiet u ngħata libertà kundizzjonata.

Il-Qorti qieset ukoll illi dawn ir-reati jirrisalu għas-snin 2009 sa 2011 u li n-natura tar-reat li tiegħu l-imputat qed jinstab ħati, il-kwantità ta’ droga misjuba fil-pussess tiegħu u ċ-ċirkostanzi tal-każ. Għal dawn il-motivi, il-Qorti ikkundannat lil Colin Ciangura sitt xhur priġunerija u multa ta’ €700 u ordnat id-distruzzjoni tal-boroż u tad-droga esebiti.