Direttur u eks ufficjal tal-Allied Group qed jiffaċjaw akkużi ta’ ħasil ta’ flus u frodi. Michel Rizzo u Claude Licari tressqu l-Qorti l-Ħamis waranofinhar quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea. Huma ngħataw il-liberta proviżorja fuq depożitu ta’ 20 elf ewro u garanzija personali ta’ 50 elf ewro, bl-assi tagħhom ma jiġux iffriżati.
Michel Rizzo, id-Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers u Claude Licari, eks uffiċjal Finanzjarju tal-istess kumpanija qed jaffaċjaw akkużi relatati ma’ ħasil ta’ flus u frodi, fost akkużi oħra.
L-ammont ta’ frodi jlaħħaq għal madwar €750,000, meta dawn xtraw l-stamperija tat-Times of Malta fl-Imrieħel, mingħand l-eks Chief of Staff ta’ Kastilja Keith Schembri.
L-avukat Joe Giglio deher għal Michel Rizzo filwaqt li Roberto Montalto deher għal Claude Licari.
Dawn iż-żewg persuni tressqu wara l-għeluq ta’ Inkjesta Maġisterjali fejn kienu ttieħdu passi kriminali kontra diversi persuni u kumpaniji, fl-20 ta’ Marzu li għadda, foshom kontra l-eks chief of staff f’Kastilja Keith Schembri, Brian Tonna u Karl Cini. L-inkjesta kienet intalbet mill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil.
Keith Schembri kien l-iktar persuna li kellu akkużi fil-konfornt tiegħu… fosthom reati ta’ korruzzjoni, frodi, u ħasil ta’ flus. Huwa ngħata l-liberta proviżorja fuq diversi kunsizzjonijiet wara li qatta’ kważi ħmistax il-ġurnata l-Ħabs tal-Kordin.
Intant, għadu għaddej il-proċess sabiex l-eks Direttur Maniġerali tat-Times Adrian Hillman jinġieb lura Malta. Filfatt l-estradizzjoni tiegħu kellha tiġi posposta wara li l-Awtoritajiet tar-Renju Unit talbu għal iktar dokumenti sabiex tkun ġustifikata t-talba li qed issir mill-Awtoritajiet Maltin.