Franza qed taħseb biex tiftaħ mill-ġdid wara ġimgħat sħaħ ta’ lockdown – u meta l-pajjiż, mit-Tnejn, ikun qed inaqqas mill-miżuri bħala parti minn strateġija maqsuma fuq erba’ fażi.
Min-nhar it-Tnejn, il-Franċiżi jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr restrizzjonijiet ‘il hinn mil-limitu attwali ta’ għaxar kilometru. Intant, mid-19 ta’ Mejju se jerġgħu jiftħu l-mużewijiet, it-teatri u l-kumplessi taċ-ċinema fil-pajjiż – bin-nies jistgħu jiffrekwentaw ir-ristoranti li jkunu qed iservu l-ikel fuq barra.
Is-servizz tar-ristornati fuq ġewwa ( fi Franza) ikun jista’ ikompli mid-9 ta’ Ġunju – l-istess bħall-attivitajiet sporitivi fuq barra, fejn il-parteċipanti jkunu jridu ċertifikat tas-saħħa. Hu minnu wkoll li l-barranin jistgħu jirritornaw fi Franza minn dik id-data, bil-kundizzjoni li huma jkollhom l-hekk-imsejjaħ health pass. Il-kumplament tar-restrizzjonijiet fil-pajjiż, imbagħad, għandhom jitneħħew fit-30 ta’ Ġunju.
Il-Portugall, issa, neħħa r-restrizzjonijiet tal-lockdown li kienu ilhom imposti minn Jannar — ħlief għal tmien muniċipalitajiet. Dan wara li r-rati tal-infezzjoni fil-Portugall niżlu għall-anqas livell irreġistrat madwar l-Istati tal-Unjoni Ewropea. Il-fruntiera tal-Portugall ma’ Spanja issa qed tinfetaħ għall-ivvjaġġar essenzjali wara diversi xhur u meta r-ristoranti tal-pajji’, millum, jistgħu jibqgħu miftuħin sal-10.30 pm.
Fl-Ingilterra, ħarġet is-sejħa biex in-nies kollha ta’ ‘il fuq minn 40 sena jingħataw it-tilqima kontra l-Covid-19 – u wara li 90 fil-mija taċ-ċittadini li għandhom aktar minn 45 sena ngħataw diġà talanqas doża waħda tal-vaċċin.
Dan waqt li analiżi tal-BBC uriet li mat-22 miljuni, issa, qed jgħixu f’zoni tar-Renju Unit li ma kellhom l-ebda mewta mill-Covid matul ix-xahar ta’ April.
Sadanittant, l-awtoritajiet fil-belt ta’ Liverpool qed jaħsbu biex jorganizzaw l-ewwel ‘proġett pilota’ ta’ avveniment mużikali live, b’udjenza ta’ 3,000 ruħ, u l-ebda kriterji li jesiġu d-distanzi soċjali.
L-Irlanda wkoll – mill-10 ta’ Mejju — se tibda tnaqqis tar-restrizzjonijiet skont strateġija gradwali bażata fuq sitt ġimgħat; bl-ivvjaġġar se jerġa’ ikun permess ‘il hinn miz-zoni b’limiti speċifikati għall-ewwel darba mill-Milied.
Il-Gvern tal-Olanda deċieda biex jippermetti li sa 3,500 persuna jaraw il-provi għall-Eurovision Song Contest tax-xahar id-dieħel – flimkien mat-tliet spettakli tal-festival li se jsiru għat-televiżjoni.
L-ammont jagħmel tajjeb għal xi 20 fil-mija tal-kapaċità tal-Ahoy arena f’Rotterdam iżda l-biljetti mistennija jinkisbu biss mill-persuni li jipproduċu provi ta’ testijiet negattivi u li kienu xtraw il-biljetti għall-festival tas-sena l-oħra li ma sarx. Is-semi-finali tal-Eurovision se jsiru fit-18 u l-20 ta’ Mejju u meta l-finalihi programmata għat-22 tax-xahar.
Madankollu, il-kriżi tal-Covid-19 għadha qed tirranka fi bnadi oħra tad-dinja – bl-Indja mill-ġdid tirreġistra l-akbar qabża f’infezzjonijiet bil-Covid għal ġurnata waħda (386,452 għall-jum tal-Ħamis). Dan meta l-awtoritajiet fi New Delhi konfermaw li qed jispiċċawlhom is-siti fejn jistgħu jidfnu l-vittmi tal-coronavirus, bl-istatistika tal-imwiet tibqa’ f’livelli allarmanti.
Intant, l-imwiet mill-Covid-19 fil-Brażil issa qabżu l-400,000, li hi t-tieni l-ogħla ċifra tal-mewt mill-virus fost il-pajjiżi kollha tad-dinja.
//= $special ?>