Lokali

Dehra ġdida għall-cards tal-BOV

Il-Bank of Valletta għadu kif nieda dehra ġdida għall-cards tiegħu, bil-madum tradizzjonali Malti jsib postu fuq dawn il-cards bankarji. Barra mid-disinn il-ġdid, il-BOV Cards issa wkoll se jkollhom orjentazzjoni vertikali minflok dik orizzontali.

“Ħassejna li jkun xieraq li bħala l-bank lokali nużaw il-maduma Maltija, li hija parti integrali mill-wirt lokali, fid-disinn il-ġdid tal-cards tagħna u b’hekk ngħaqqdu t-tradizzjoni mal-isfera diġitali, kif ukoll mall-bidla fl-imġieba tal-konsumatur,” qalet Vanessa Borg, Marketing Manager fi ħdan il-Bank of Valletta. “Oriġinarjament il-cards bankarji kellhom xeħta orizzontali għax hekk kienu jintużaw, bħal meta konna ngħaddu l-card minn ġos-slot tal-EPOS.  Illum nużaw il-cards b’mod differenti. Il-card inżommuha b’mod veritkali, kemm jekk inħallsu contactless ġewwa l-ħwienet, kif ukoll meta nużaw l-ATMs.”

Il-klijenti se jkunu qed jirċievu dawn il-cards il-ġodda matul ix-xhur li ġejjin, bl-ewwel card li se toħroġ b’dan id-disinn tkun il-BOV Cashlink Visa.  Fil-bidu, cards ġodda, cards li jkunu waslu biex jiġġeddu u dawk li jridu jinbidlu se jkollhom dan id-disinn. Il-BOV Cards huma kollha contactless u l-BOV Visa debit u credit cards jistgħu jintużaw permezz tal-BOV Pay u l-Apple Pay Wallets.

“Bil-BOV Pay, il-klijenti jistgħu jħallsu fil-ħwienet bl-ismartphone tagħhom minflok joħorġu il-BOV Visa debit jew credit card,” qal Franco Xuereb, Eżekuttiv tal-BOV eBanking. “Kemm tniżżel l-app tal-BOV Pay fuq l-ismartphone tiegħek, u tirreġistra il-card fuq l-app. Minn hemm ‘il quddiem, biex tħallas, kemm tressaq il-mowbajl viċin l-EPOS fil-ħanut u l-ħlas isir minnufih. B’hekk wieħed jelimina wkoll il-ħtieġa li jmiss il-magna biex idaħħal in-numru tal-PIN, irrispettivament mill-ammont tax-xirja.  Min għandu arloġġ Garmin jew Apple jista’ wkoll jagħmel użu minn dan il-metodu ta’ ħlas billi jtella’ l-BOV Visa Cards fuq l-ismartwatch jew l-iPhone.”

Il-ħlas bla kuntatt, kemm jekk isir bil-BOV Cards jew bil-BOV Pay jipprovdi esperjenza ta’ xiri aktar sikura u mgħaġġla mill-użu ta’ flus kontanti jew ċekkijiet.

Aktar informazzjoni dwar il-BOV Contactless Payments tinstab fuq https://www.bov.com/content/bov-cards.