Lokali

Għaqdiet volontarji: Il-Gvern għandu jneħħi l-inċertezzi fis-settur – PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li sfortunatament il-Gvern Laburista f’pajjiżna qed iħawwad lill-għaqdiet volontarji b’dawk li jidhru interpretazzjonijiet kontrastanti li qed jagħti huwa stess jew istituzzjonijiet tiegħu fejn jidħol il-ġbir ta’ flus mill-pubbliku u jekk hemmx bżonn ta’ permessi f’dan ir-rigward.

Fi stqarrija, il-Kelliem għall-għaqdiet volontarji Kevin Cutajar qal li b’dan l-atteġġjament, il-Gvern Laburista qiegħed biss ikompli jżid il-pressjoni fuq l-għaqdiet u dan wara li bla konsultazzjoni ta’ xejn diġa’ għabbihom b’ruxxmata obbligi li jridu jobdu.

F’kor wieħed, l-għaqdiet qegħdin jokorbu lill-Gvern mhux biss biex inaqqsilhom il-piż tal-obbligi li bla ġustifikazzjoni għoġbu jgħabbilhom iżda wkoll biex ikun ċar f’dak li qed jitlob minnhom.

“Minn kif qed iġib ruħu,huwa ċar li l-Gvern Laburista ma jafx x’inhu jagħmel fejn jidħlu l-għaqdiet volontarji. Qed
jaqta’ qalb il-voluntieri li jiffurmaw is-sinsla tal-għaqdiet u qed jirriskja bil-kbir li jnaffar lil dawk l-istess voluntieri u allura jipperikola l-eżistenza tal-għaqdiet ukoll”, sostna Kevin Cutajar.

Għax jifhem il-frustrazzjoni tal-għaqdiet, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jappella lill-Gvern Laburista biex mhux biss jirrevedi minnufih ir-regolamenti li daħħal huwa stess bla ġustifikazzjoni, iżda wkoll li jkun ċar fl-interpretazzjoni tagħhom, biex l-għaqdiet jifhmu bla problemi x’inhu mistenni minnhom. Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-voluntieri jitħallew jaħdmu fl-għaqdiet biex ikollna volontarjat b’saħħtu u biex Malta tibqa tgawdi l-frott
tal-ħidma ta’ dawn l-istess għaqdiet.