Lokali Saħħa

Id-Djanjożi ġenetika tal-embrijuni tiżvaluta l-ħajja umana – Doctors for Life

Id-Djanjożi ġenetika tal-embrijuni fl-ewwel stadji tal-proċess tal-IVF twassal biex tiġi żvalutata l-ħajja umana. Sostniet dan fi stqarrija l-għaqda Doctors for Life (DFL).

L-Għaqda fakkret li hu fatt xjentifiku li l-ħajja umana tibda mal-fertilizzazzjoni u ladarba din tkun bdiet, kull ħajja għandha tiġi mħarsa b’dinjita’, irrispettivament f’liema stadju ta’ żvilupp. Embrijuni huma ħajjiet umani fi stadju bikri ħafna ta’ żvilupp, tenniet DFL.

L-istqarrija tkompli li f’ċertu kundizzjonijiet ġenetiċi bħal ‘cystic fibrosis’ saru ħafna avvanzi tant li persuna tista’ tgħix sa 50 sena. Filwaqt li filkas ta’ persuni Down’s, riċerka turi li għandhom sodisfazzjon fil-ħajja ferm iktar milli maħsub.

Din il-miżura tibgħat messaġġ lil persuni li jgħixu b’dawn il-kundizzjonijiet u l-familji li jieħdu ħsiebhom li l-ħajja tagħhom ma tiswiex u li l-kundizzjoni tagħhom tagħmilhom persuni bla valur, sostniet DFL.

Filwaqt li taqbel ma’ miżuri etiċi li jnaqqsu t-trażmissjoni ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi, l-għaqda qalet li d-djanjożi ġenetika huwa proċess li telimina l-marda billi telimina lill-marid, nagħżlu min jgħix u min għandu jinqered.

Doctors For Life appellat lid-Deputati fil-Parlament sabiex jirriflettu fuq l-implikazzjonijiet etiċi u ma jkunux responsabbli għall-qerda ta’ embrijuni umana permezz ta’ dan il-proċess.