Lokali

“Il-PN kommess li jinħolqu niċeċ ekonomiċi jissarrfu f’xogħol ta’ kwalità” – Bernard Grech

Il-Kap tal-PN iżur lis-sidien u l-ħaddiema fil-kumpless The Point Shopping Mall

Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jara li jkun hemm aktar niċeċ ekonomiċi li jagħtu opportunità ta’ aktar negozji u aktar investiment li jissarraf f’xogħol ta’ aktar kwalità għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li l-Ġimgħa waranofsinhar żar il-kumpless The Point Shopping Mall fejn ntlaqa u tkellem ma’ diversi sidien u impjegati li din il-ġimgħa reġgħu lura bi ħġarhom għax-xogħol.

Ritratt: Martin Agius

Bernard Grech sostna li wara l-għeluq tal-ħwienet minħabba l-miżuri ta’ mitigazzjoni b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19, issa li n-negozji qed jerġgħu jilqgħu mill-ġdid lill-klijenti importanti li r-rota ekonomika ta’ dawn l-istabbilimenti terġa’ tibda ddur.

Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li l-ekonomija tal-pajjiż mhux biss ikattruha l-operaturi l-kbar iżda ankè negozji żgħar bħal businesses tal-familja li ddeskrivihom bħala s-sinsla tal-ekonomija tal-Gżejjer Maltin u insista li wisq aktar f’dan iż-żmien kruċjali li pajjiżna għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista se jkun hemm spalla ma spalla man-negozji sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jibqa’ lura.

Ritratt: Martin Agius

Intant huwa appella lill-Gvern sabiex jimpenja ruħu bil-għan li l-ħaddiem f’Malta u Għawdex ikollu s-suċċess li jixraqilhom.

Matul din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-kandidati Alex Mangion u Julie Zahra.

Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius