Lokali

Il-UĦM tappella għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja

L-importanza li jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, li l-ekonomija toħloq impjiegi li jħallsu tajjeb u li l-ħaddiema ma jħallux il-partiġġjaniżmu politiku jifridhom kienu enfasizzati mill-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella f’messagg illi ixxandar il-Gimgha wara nofsinhar.

F’din l-intervista li saret bħala parti mill-attivitajiet li l-Union organizzat fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, Vella tkellem dwar l-impatt tal-pandemija, id-djalogu soċjali f’Malta u x-xejriet ekonomiċi li qed iqajmu tħassib.

Dwar il-Covid-19, hu sostna li l-esperjenza wriet li l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika mhux dejjem tħallew f’libertà assoluta fid-deċiżjonijiet, f’ċirkostanzi fejn l-ewwel telgħu l-każi umbagħad ittieħdu l-miżuri.

Josef Vella esprima tħassib li mhux qed ikun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, iżda hu importanti li bħala pajjiż verament ikollna politika li tassigura li l-ekonomija qegħda hemm għall-bniedem u mhux bil-kontra.

Mistoqsi dwar studju li dan l-aħħar wera kif 40 fil-mija tal-ġid f’Malta jinsab għand l-aktar 5 fil-mija sinjuri tal-popolazzjoni – filwaqt li l-ifqar nofs tal-popolazzjoni għandhom biss 12 fil-mija tal-ġid tal-pajjiż – hu qal li dan jikkonferma kemm il-ġid mhux qed jasal għand kulħadd.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers irrefera wkoll għat-tfassil tal-politika l-ġdida dwar ix-xogħol u sostna fuq il-bżonn li din tixpruna ekonomija ta’ kwalità mhux tal-kwantità u c-cheap labour.

Dwar l-azzjonijiet industrijali fis-settur tas-Saħħa, Josef Vella ċċara li din kienet l-unika triq li kien fadlilha l-Union wara li l-Gvern ma kienx interessat isib soluzzjoni madwar mejda, filwaqt li rrefera għall-kwistjoni tal-ħaddiema ta’ Steward.

Mistoqsi dwar l-iskandli ta’ korruzzjoni u tixħim li ħarġu fl-aħħar sena, Vella qal li dawn qed inaffru l-investiment barrani u magħhom qed ibatu l-ħaddiema għax qed jitilfu opportunitajiet ta’ xogħol tajjeb.

U fl-appell tiegħu għal din il-festa, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers appella biex il-ħaddiema jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19 ħalli jgħinu lill-pajjiż jibda ġej għan-normal, filwaqt li appella wkoll għall-għaqda.