Lokali Qorti

Illiberat fl-appell wara li kien kundannat sitt xhur ħabs fuq droga

Żagħżugħ li kien ġie kundannat sitt xhur ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati ġie lliberat mill-Qorti tal-Appell fuq pussess u traffikar ta’ gramma kokaina. Il-każ imur lura għat-28 ta’ Ġunju 2008 waqt party Gianpula Il-pulizija arrestat lil Letizia u Louise Sultana fil-parkeġġ tal-karozzi hekk kif kienu se jieħdu l-kokaina. Letizia Sultana kienet qalet lill-pulizija li d-droga kien tahielha l-għarus tagħha Daniel Gatt li dak iż-żmien kellu biss 18-il sena.

Meta kien interrogat mill-pulizija, Gatt qal li kien mar għall-party ma’ sħabu u kien qed ifittex lit-tfajla tiegħu iżda ma rahiex u meta rċieva telefonata mingħandha u qaltlu fejn qiegħda, kien spiċċa arrestat. Fl-istqarrija huwa ammetta li kien xtara gramma kokaina għal €70 fil-presenza tat-tfajla tiegħu meta kienu n-Numero Uno bl-intenzjoni li jeħodha flimkien magħha. Gatt mhux biss kien ġie kkundannat sitt xhur ħabs, iżda mmultat ta’ €750.

Huwa appella mis-sentenza bl-Imħallef Giovanni Grixti jgħid li l-unika prova li l-prosekuzzjoni għandha kontra l-imputat hi l-istqarrija u x-xhiehda tat-tfajla tiegħu li waħida ma kellha qatt twassal ghall-prosekuzzjoni dwar traffikar ta’ droga. Jekk għall-mument din titwarrab, anke d-dikjarazzjoni tagħha tgħid li -gramma kokaina xtrawha flimkien u ħallsu għaliha flimkien.

Anke meta mistoqsija mill-ewwel Qorti biex tispjega min mar jixtri d-droga, min ġabar il-flus mingħandhom ilkoll iddikjaraw illi kienu it-tlieta flimkien meta xtrawha u kulħadd ħareġ sehemu. Dan ifisser illi lanqas biss jirriżultaw l-elementi ta’ ‘trafficking by sharing’ li wieħed kellu jesplora l-imputazzjoni minn dik lottika.

Il-Qorti qalet li jirriżulta potenzjalment biss pussess sempliċi konsistenti f’terz ta’ gramma; Fix-xhieda tagħha quddiem lewwel Qorti, Letizia Sultana kkonfermat interament l-istqarrija li kienet tat lill-Pulizija liema stqarrija ttieħdet naturalment fl-istess żmien u taħt l-istess ċirkostanzi bħal f’dik tal-imputat.

Sadanittant minkejja li l-ewwel Qorti qrat lix-xhud l-istqarrija tagħha, din l-istess stqarrija ma tinsabx fl-atti proċesswali. Issa, għalkemm dan il-fatt ma kienx osservat mill-appellant, Issa, għalkemm dan il-fatt ma kienx osservat mill-appellant, il-Qorti ma tistax tagħlaq għajnejha ghal-nuqqas ta’ dan il-forma. Qalet ukoll li ma tarax kif għandha tipproċedi b’ċaħda tal-appell anke jekk issa si tratta ta’ ezami dwar pussess ta’ terz ta’ gramma kokaina. Għal Gatt deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.