Internazzjonali

Is-Sirja: Attakk ‘misterjuż’ fuq il-militar tat-Turkija

Rapporti mis-Sirja qalu li ajruplan mhux identifikat ibbumbardja bażi tal-qawwiet militari tat-Turkija fil-provinċja ta’ Raqqah. Dan waqt li t-truppi kienu qed imexxu kampanja militari fiz-zona kontra milizji mat-Taqsimiet għall-Protezzjoni tal-Poplu tal-Kurdi (YPG)  li qed jingħataw appoġġ mill-Istati Uniti.

Ingħad li l-ajruplan ‘misterjuż’ ikkonċentra l-attakki fuq  il-limiti tal-belt ta’ Ayn Issa, iżda r-rapporti ma tawx dettalji dwar ‘l-effetti ta’ dik l-azzjoni’.

Ir-reġjun ta’ Tal Abyad, fit-Tramuntana tas-Sirja u fejn tinsab il-belt ta’ Ayn Issa, ilu jipprovdi x-xena għall-battalji kbar bejn il-qawwiet Torok u l-milizji Kurdi. Il-Gvern Tork iqis lill-YPG bħala grupp terroristiku b’rabtiet mal-grupp tal-militanti PKK li ilu jiġġieled għal reġjun awtonomu tal-Kurdi fit-Turkija mill-1984.

Kien f’Ottubru tal-2019 li l-qawwiet Torok invadew il-Grigal tas-Sirja f’tentattiv biex ikeċċu lill-militanti tal-Kurdi mill-fruntiera tat-Turkija. Ġimgħatejn wara, ir-Russja u t-Turkija ffirmaw ftehim biex il-militanti tal-YPG jirtiraw miz-zona tas-sigurtà kontrollata mit-Turkija lejn il-Grigal tas-Sirja – u bir-riżultat li Ankara u  Moska bdew jieħdu ħsieb ir-ronda tas-sigurtà (f’dik iz-zona) bil-preżenza tas-suldati rispettivi.

Madankollu, it-Turkija, maż-żmien, ħadet lura l-kontroll f’diversi nħawi tat-Tramuntana tas-Sirja minbarra li ħatfet zoni oħrajn minn idejn il-Kurdi. Dan meta l-Gvern Sirjan iqis il-preżenza militari tat-Torok fit-territorji ta’ pajjiżu bħala attakk fuq is-sovranità tas-Sirjani.