Futbol Sport

It-tim Malta fi Grupp E fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa tal-2023

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa tela’ fi Grupp E tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa tal-2023. Din kienet l-ewwel darba li f’din il-fażi se jkunu qed jieħdu sehem 51 nazzjon, bil-partiti mistennija jintlagħbu bejn Settembru li ġej u Settembru tas-sena d-dieħla, bil-fażi finali se jsiru fl-Awstralja u New Zealand.

Fl-istess grupp ma’ Malta telgħu ukoll id-Danimarka, Russja, Bosnia Herzegovina, Ażerbajġan u l-Montenegro. Interessanti li din hi t-tieni kompetizzjoni infila li fiha Malta se taffronta lid-Danimarka u l-Bosnia Herzegovina wara li t-tliet nazzjonijiet kienu fl-istess grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO tan-nisa.

Fl-aħħar fażi ta’ kwalifikazzjoni, dik għall-EURO 2022, Malta kisbet wieħed mill-aqwa riżultati f’kompetizzjoni ta’ kwalifikazzjoni hekk kif fi Grupp B flimkien mad-Danimarka, l-Italja, l-Bosnija, l-Iżrael u l-Ġorġja, Malta temmet fir-raba’ post b’għaxar punti. It-tim Malti taħt it-tmexxija tal-coach Mark Gatt irnexxielu jikseb tliet rebħiet u draw.

Il-Gurppi ta’ kwalifikazzjoni:

Grupp A: Żvezja, Fillandja, Irlanda, Slovakkja, Ġorġja Grupp B: Spanja, Skozja, Ukranja, Ungerija, Gżejjer Faroe Grupp Ċ: Olanda, Iżlanda, Repubblika Ċeka, Belarus, Ċipru Grupp D: Ingilterra, Awstrija, Irlanda ta’ Fuq, Maċedonja, Latvja, Lussemburgu Grupp E: Danimarka, Russja, Bosnija, Malta, Azerbaijan, Montenegro Grupp F: Norveġja, Belġju, Polonja, Albanija, Kossovo, Armenja Grupp G: Italja, Żvizzera, Rumanija, Kroazja, Moldova, Litwanja Grupp H: Ġermanja, Portugall, Serbja, Iżrael, Turkija, Bulgarija Grupp I: Franza, Wales, Slovenja, Greċja, Kazakhstan, Estonja