Talanqas 50 persuna tilfu ħajjithom waqt rassa tan-nies ‘’inkredibbli’ u meta folol kbar kienu qed jattendu festival reliġjuż għal-Lhud Ortodossi, maġenb il-Muntanja Meron, lejn il-grigal ta’ Iżrael.
Indarbu għexieren oħra ta’ devoti waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Lag Ba’Omer li ssir darba fis-sena – bil-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, jiddikjara l-ġurnata tal-Ħadd bħala Jum ta’ Luttu nazzjonali.
Fil-fatt, Netanyahu, fl-aħħar sigħat, ivvjaġġa lejn l-inħawi fejn in-nies kienu mietu mgħaffġin, bl-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw x’wassal ‘eżatt’ għal din it-traġedja, f’ħin meta għexieren ta’ eluf ta’ Lhud Ortodossi kienu qed jattendu għall-festival li kellu jdum il-lejl kollu tal-Ħamis u l-Ġimgħa,
Il-festival kien ukoll l-akbar avveniment għall-pubbliku f’Iżrael mill-bidu tal-coronavirus, fl-ewwel xhur tas-sena l-oħra.
Il-programm tat-tilqim f’Iżrael hu fost l-aktar li rnexxew fid-dinja u dan ippermetta biex l-awtoritajiet Iżraeljani jneħħu numru kbir ta’ restrizzjonijiet għall-poplu – anki jekk l-uffiċjali tas-saħħa qed iwissu xorta waħda dwar ‘is-sogru potenzjali mill-Covid-19’.
Intant, l-ewwel rapporti dwar ir-rassa qattiela qalu li kienet ċediet struttura fis-sit fejn kienet qed issir iċ-ċelebrazzjoni.
Madankollu, l-uffiċjali għall-emerġenzi, wara, tkellmu dwar ‘ir-rassa kbira li nqalgħet’ u b’sorsi qrib il-pulizija jgħidu li d-diżastru x’aktarx li kien dovut għal sitwazzjoni fejn numru ta’ nies spiċċaw jiżolqu minn taraġ – u bil-konsegwenza li ‘waqgħu għexieren ta’ nies oħra, b’kulħadd jibda jgħaffeġ fuq xulxin’.
Kollox jidher li seħħ fi spazju ta’ sekondi, bil-filmati tal-inċidenti li bdew jiċċirkulaw online juru eluf ta’ nies iffullati ma’ xulxin huma u jippruvaw jgħaddu minn passaġġ dejjaq. Dan waqt li uffiċjali bil-loudhailers kienu qed iħeġġu biex in-nies ‘jiftħu ftit tal-ispazju’ qabel il-pulizija bdiet tinsisti biex is-sit jispiċċa evakwat min-nies kompletament.
In-nies preżenti li tkellmu mal-media Iżraeljana qalu li ħadd ma qatt basar li traġedja bħal din setgħet isseħħ ‘u li avveniment ta’ ċelebrazzjoni kellu jinbidel daqshekk malajr fi traġedja’.
Intant, waslu fis-sit għexieren ta’ ambulanzi, bis-servizzi għall-emerġenzi jqiegħdu l-katavri tal-vittmi f’ringieli mal-art huma u jgħattuhom bil-koperti tal-foil. Dan waqt li l-ħelikopters kienu qed iwasslu lill-midruba lejn l-eqreb sptarijiet, bl-Armata tistazzjona numru kbir ta’ truppi tas-search-and-rescue f’dik iz-zona.
L-aħħar rapporti, issa, qalu li l-midruba fir-rassa kienu qabżu l-150 , b’talanqas 40 jispiċċaw f’kundizzjoni kritika.
//= $special ?>