Lokali

“Joseph Muscat tradiena. Kien imdaħħal magħhom fil-korruzzjoni” – Mark Camilleri

“Muscat tradiena u waqqana’ għaċ-ċajt”.

“Konna nafu li Muscat kien imdaħħal magħhom fil-korruzzjoni”.

Hekk stqarr Mark Camilleri, iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-ktieb u eks delegat tal-Partit Laburista waqt intervista ma’ Jon Mallia. Camilleri kien qed jirreferi għar-rabta tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi fost l-oħrajn.

Fi stqarrija b’saħħitha, huwa qal li Muscat tradixxa l-poplu. “Tradiena. Waqqana’ għaċ-ċajt”.

Camilleri, li ddeskriva lil Muscat bħala bniedem narċisistiku u soċjopatiku, qal li li Muscat kien imdaħħal ma’ sħabu fil-korruzzjoni hija fatt. Hu kompla jgħid li Muscat ikkundizzjona l-Partit Laburista sabiex jemmen li dak li ġara kien żball t’erbgħa minn nies li għandhom jiġu ġġudikati mill-istituzzjonijiet.

Mark Camilleri qal li organizzazzjoni kriminali ħakmet il-Gvern ta’ Muscat.

“Muscat darba qal jien ġejt tradut. Imma Muscat mhux daqsekk iblah. Mhux it-tip ta’ persuna li ħa jittollera nies jidħqu bih. Aħna lil Muscat għidnilu qabel l-elezzjoni tal-2017… jien u Evarist Bartolo u nies oħra li ma jridux jammettu li ħadu din il-pożizzjoni.. inkluż Ministri…. għidnilu jekk mhux se tbiddel iċ-Chief of Staff mhux se niqbgħu warajk”.

“Aħna konna nafu li kien involut magħhom. Konna qed intuh pass fuq il-korruzzjoni, u Muscat kien wegħedna li se jbiddel iċ-chief of staff… tant li tana isem ta’ xi ħadd ġdid”.

Dwar Robert Abela, Camilleri qal li meta waslet l-elezzjoni għal mexxej ġdid, kien jemmen li Chris Fearne kien l-għażla għaqlija għax Abela kien biċċa waħda ma’ Muscat u kellu s-sostenn sħiħ tiegħu.