Konfużjoni fil-Gvern ta’ Robert Abela dwar il-pjani ekonomiċi ta’ rkupru għal wara l-pandemija tal-Covid-19, b’Ministri filli jgħidu mod u fili jgħidu mod ieħor … mingħajr ma jaqblu bejniethom.
Hekk ġara fil-każ tal-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri u l-Ministru responsabbli mill-Istrateġija Post-Covid Owen Bonnici.
Dan meta l-Kunsill Ewropew ta ċans sal-aħħar ta’ April lill-Gvernijiet tal-Istati Membri biex jippreżentawlu l-pjan ekonomiku tagħhom għall-irkupru tal-pajjiż. Pjan li, fil-każ ta’ Malta, ħadd ma jidher li kien sema’ bih sal-lum.
Fosthom rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qalu lil NET News li dan il-pjan qatt ma kien diskuss magħhom, u allura ma jafux kif jista’ jaffettwa lil dawk li jirrappreżentaw.
Iżda skont il-Ministru Silvio Schembri, il-pjan hu lest u diġà ntbagħat lill-Kunsill Ewropew, għalkemm f’nifs ieħor qal li l-proċess biex jitfassal dan il-pjan għadu għaddej, propju fid-data stess tal-iskadenza mogħtija lill-Gvernijiet.
Min-naħa tiegħu, anke l-Ministru Owen Bonnici kellu jikkonferma li l-pjan għadu mhux iffinalizzat, tant li qal li l-Gvern għadu għaddej bid-diskussjonijiet qabel ma jippreżenta l-programm tiegħu lill-Kunsill Ewropew.
Ironikament, il-Ministru Owen Bonnici ta din it-tweġiba fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet biex iniedi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika bħala parti mill-istrateġija ta’ wara l-Covid-19.
//= $special ?>