Proposti intiżi biex tiżdied it-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika fl-operat tal-ERA; l-Awtorita’ dwar l-Ambjent u r-Riżorsi.
Din hi l-mira prinċipali ta’ abbozz ta’ liġi mressaq mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista intiż biex jemenda il-liġi dwar l-ERA.
L-Abbozz kien ippreżentat lill-Iskrivan tal-Kamra Raymond Scicluna mill-Whip tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ambjent Robert Cutajar, flimkien mal-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius.
F’kumment ma’ Net News, id-Deputat Robert Cutajar spjega li l-għan ta’ iktar trasparenza u parteċipazzjoni jinkiseb permezz ta’ tliet miżuri prinċipali.
L-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-Abbozz huma li jassiguraw trasparenza fil-proċedimenti tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi billi l-pubbliku kkonċernat u kull organizzazzjoni mhux governattiva li tippromwovi l-ħarsien ambjentali jingħataw opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipaw fil-proċedimenti tal-istess Awtorita`, flimkien ma’ aċċess għal proċedura ta’ reviżjoni quddiem it-Tribunal.
L-ERA twaqqfet fl-2016 meta l-qasam tal-ambjent infatam mill-qasam tal-ippjanar u l-iżvilupp. B’ħafna jesprimu tħassib kemm din il-qasma wasslet biex effettivament tiżdied il-protezzjoni tal-ambjent.
//= $special ?>