Eluf ta’ ċittadini Ċeki esprimew rabja kbira talli l-President tal-pajjiż, Milos Zeman, deher qed jipprova jixħet dubju fuq ‘ir-responsabbiltà’ tar-Russja fi splużjoni qattiela li kienet seħħet fl-2014 f’depot għall-munizzjon, fir-Repubblika Ċeka.
L-isplużjoni kienet qatlet talanqas żewġ persuni u fl-aħħar sigħat, eluf ta’ nies inġabru biex jipprotestaw fil-kapitali, Praga, fost allegazzjonijiet li l-President Zeman ‘qed jiddefendi l-interessi ta’ Moska’.
Milos Zeman, qabel, kien qal li s-servizzi sigrieti tar-Russja ‘setgħu ma kenux responsabbli waħedhom’ għall-isplużjoni tal-2014. Il-President Ċek, fost oħrajn, wissa biex il-poplu ta’ pajjiżu jevita ‘r-reazzjonijiet isteriċi’ waqt li ħeġġeġ biex iċ-Ċeki jibqgħu kalmi sakemm ikollhom ir-riżultati tal-investigazzjoni uffiċjali.
Aktar qabel, investigazzjoni inizjali kienet irreferiet għal ‘żbalji min-nies inkarigati mill-ħarsien tal-isplussivi’.
Intant, id-dimostranti akkużaw lil Zeman b’kollaborazzjoni ma’ Moska, fost tilwima diplomatika ħarxa fejn il-Gvernijiet tar-Russja u r-Repubblika Ċeka keċċew l-għexieren tad-diplomati ta’ xulxin.
Waqt li numru ta’ dimostranti Ċeki jemmnu li ‘Zeman qed jikkollabora mal-Gvern Russu’, Benjamin Roll, il-Kap tal-moviment ‘Miljun Mument għal Demokrazija’, qal li l-President Ċek ‘qed iferrex il-propaganda tar-Russja minbarra li qed jgħin il-kampanja ta’ misinformazzjoni minn Moska bħala sfida diretta u skandaluża lis-servizzi tas-sigurtà fir-Repubblika Ċeka’.
//= $special ?>