Lokali

Studenti post-sekondarji jitolbu li jmorru lura fl-iskejjel

L-istudenti li jattendu skejjel post-sekondarji, bħal studenti oħrajn, għandhom id-dritt li jitgħallmu f’ambjent ta’ skola u ma jibqgħux jiġu diskriminati.

Din kienet it-talba ta’ dawn l-istudenti permezz ta’ ittra iffirmata mill-Kunsill tal-Istudenti fis-Sixth Forms tal-Kulleġġ San Alwiġi, il-Kulleġġ De La Salle u l-Kulleġġ Saint Martin’s li sostnew li r-restrizzjonijiet għal diversi xhur qed ikollhom effetti ħżiena kemm mill-lat edukattiv kif ukoll mill-lat fiżiku u psikoloġiku.

L-istudenti jkomplu li m’għandhomx ikunu sagrifikati minħabba l-azzjonijiet irresponsabbli ta’ setturi u industriji oħrajn. Filwaqt li qed isejjħu għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel post-sekondarji b’rispett sħiħ lejn il-protokolli u miżuri eżistenti, l-istudenti sostnew li d-dixxiplina tibqa’ imperattiva u studenti li volontarjament jiksru miżuri kemm ġewwa kif ukoll barra mill-bini tal-iskola, għandhom ikunu mħarrka daqslikieku inkisru fil-pubbliku.

L-ittra intbagħtet lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci u lill-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana.