Lokali Sport

Tkompli tikber ir-rabja tal-isportivi lejn il-Gvern

Tkompli tikber ir-rabja mill-isportivi lejn il-Gvern fejn wara li jidher li l-isport professjonali se jkun qed jirritorna mill-10 ta’ Mejju, ma saritx distinzjoni ċara dwar liema sports ġie klassifikat bħala elite u dak li m’huwiex, filwaqt li ma ngħatat l-ebda indikazzjoni meta se jkunu qed jinfetħu l-gyms.

Waqt il-bullettin mediku ta’ kull Ġimgħa, meta mistoqsija dwar il-ftuħ tal-gyms, il-Professur Charmaine Gauci ma tagħtx data speċifika dwar meta dawn se jkunu qed jinfetħu u qalet li l-gyms u l-barijiet huma klassifikati bħala riskju għoli għat-tixrid tal-virus mingħajr ma tat spjegazzjoni dwar dan.

Bosta sidien tal-gyms u anke physical trainers li jaħdmu f’dawn il-gyms esprimew il-frsutrazzjoni għal mod kif il-Gvern naqas milli jagħti data speċifika meta dawn se jkunu qed jiftħu u anke għaliex il-gyms qed ikun klassifikati bħala riskjużi daqs il-barijiet.

F’messaġġ fuq Facebook, wieħed mill-coaches ta’ ‘A New, Better Life’ Matthaeus Grasso qal li ma jistgħax jifhem kif il-gyms qed jitpoġġew fl-istess livell ta’ riskju daqs il-barijiet, minkejja li numru ta’ rapporti xjentifiċi li ħarġu fl-aħħar jiem minn barra l-pajjiż, juru li l-isport huwa ta’ benefiċċju biex tissaħħaħ l-immunità kontra l-virus u anke sabiex il-vaċċin ikun aktar effettiv. Grasso rrimarka ukoll kif skond l-istatistika maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa ta’ kull ġimgħa juri li l-isport kien wieħed mill-anqas setturi li li kkontribuwixxa fiż-żieda tal-każijiet tal-COVID-19.

“Ħadd mill-gyms m’huw jippretendi li niftħu mingħajr restrizzjonijiet…imma mhux li nibqgħu magħluqin at all costs” sostna Matthaeus Grasso. Fi tmiem il-messaġġ tiegħu Grasso appella lill-Gvern biex jieħu d-deċiżjonijiet li huma xierqa f’dan il-qasam hekk kif bosta sidien ta’ gyms fost l-oħraj qegħdin f’xifer il-falliment kif ukoll qed tiżdied il-problema tal-ansjetà, dipressjoni u mard ieħor.

Fuq l-istess messaġġ kienu bosta l-persuni li kkumentaw u wrew id-diżappunt tagħhom għal kif il-gyms qed jitpoġġew fl-istess keffa tal-barijiet.

Fl-10 ta’ Marzu li għadda l-Gvern kien għalaq il-gyms u waqqaf l-attivitajiet sportivi kollha bħala parti mill-miżuri sabiex tittaffa l-firxa tal-virus wara żieda fil-każijiet kawża tan-nuqqas ta’ infurzar tal-miżuri li kien hemm fis-seħħ. Wara li nhar it-Tnejn kienu rilaxxati għadd ta’ miżuri u anke tħabbru miżuri oħra li se jkunu rilaxxati fil-jiem li ġejjin, il-Gvern naqas milli jagħti data speiċifka lis-sidien tal-gyms u ta’ attivitajiet oħra sportivi bħal pixxini dwar meta dawn se jkunu jistgħu jiftħu l-bibien tagħhom.

Ir-rabja tal-isportivi tkompli tikber wara li fis-7 ta’ April li għadda waqt programm ta’ diskussjoni, il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-isport bħala passatemp, minkejja li f’pajjiżna hawn għadd ta’ atleti u sidien ta’ gyms li jiddependu mill-attività sportiva sabiex jaqilgħu l-għixien tagħhom.

Kuntrarju għal dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hu komess li la darba l-poplu javda l-Partit Nazzjonalista biex imexxi l-pajjiż, l-isport ikun elevat f’livell ta’ Ministeru fejn jingħata l-importanza li tixraqlu fost għadd ta’ proposti oħra fosthom li tissaħħaħ l-Iskola Nazzjonali tal-Isport biex aktar żagħżagħ ikollhom faċilitajiet aħjar biex jitħarrġu u jaslu fejn jixtiequ.