Żewġt irġiel ta’ 70 u 91 sena huma l-aħħar vittmi tal-Covid-19 f’Malta hekk kif issa l-ammont ta’ mwiet kaġun tal-virus f’pajjiżna tela’ għal 415. Iż-żewġ vittmi kienu jinsabu rikoverati fl-Isptar Mater Dei.
Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt instabu 15-il każ ġdid, biex issa t-total ta’ każijiet attivi huwa dak ta’ 270 każ. Aħbar pożittiva hi li fl-aħħar sigħat fiequ 74 persuna mill-virus.
It-total ta’ każijiet minn Marzu 2020 ‘l hawn issa huwa dak ta’ 30,307, filwaqt li rkupraw mill-virus total ta’ 29,622.
Fl-aħħar sigħat saru 1,781 swab test, filwaqt li sa issa ingħataw 107,038 persuna huma mlaqqma biż-żewġ dożi tal-vaċċin.
Sadanittant, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ kull Ġimgħa, li matulha tagħti l-aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna, il-Professur Charmaine Gauci kompliet tappella biex kulħadd jibqa’ jżomm mal-miżuri ta’ mitigazzjoni li hemm fis-seħħ bħalissa u qalet li kienu dawn il-miżuri flimkien mal-vaċċin li qed jgħinu biex pajjiżna jnaqqas il-każijiet ta’ infezzjoni.
//= $special ?>