Lokali

Fejn hu l-pjan li l-Gvern qal li ppreżenta lill- Unjoni Ewropea?

Silvio Schembri qal li l pjan ġie ppreżentat filwaqt li Owen Bonnici qal li għadhom se jibdew jiddiskutu

L-aħħar ġurnata ta’ April 2021 kienet id-data li fiha Malta kienet mistennija tippreżenta l-pjan hekk imsejjaħ recovery and resilience plan lill-Unjoni Ewropea biex tkun tista’ tirċievi fondi Ewropej mill-pakkett ta’ €672.5 biljun li l-istess Unjoni Ewropea qed tagħti biex l-istati membri, fosthom Malta, jkunu jistgħu jagħmlu tajjeb għall-ħsara li soffrew minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-Gvern Laburista Malti jidher li falla milli jżomm ma’ din id-data u s’issa ftit jew xejn ta dettalji ta’ x’qed jiġri. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li għamlu gvernijiet oħra Ewropej li fasslu l-pjan tagħhom bil-għaqal u ppreżentawh fil-ħin.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Fondi Ewropej u l-Għaqdiet Volontarji Kevin Cutajar, quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista qed jistaqsi:

  1. Għaliex Malta ma ppreżentatx il-pjan tagħha fil-ħin?
  2. Għaliex il-Gvern Laburista fl-ebda ħin ma kkonsulta mal-Parlament Malti dwar dan
    il-pjan kif kien mistenni minnu?
  3. Għaliex quddiem il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni, l-Gvern Laburista baqa’ lura milli
    jagħti dettalji ta’ x’qed jiġri?
  4. Quddiem fondi daqstant importanti għal Malta, x’konsultazzjoni pubblika saret
    mill-Gvern dwar il-pjan?
  5. Min kien inkarigat li jħejji dan il-pjan u x’riżorsi ddedika l-Gvern għal dan?
  6. Għal dan in-nuqqas li jiġi ppreżentat il-pjan fil-ħin, kemm se jiswa lil Malta u min se
    jerfa’ r-responsabbilta’ tal-konsegwenzi?

Dawn huma mistoqsijiet li apparti l-Partit Nazzjonalista, l-poplu Malti kollu għandu dritt jingħata risposta dwarhom mill-Gvern Laburista. Il-fondi Ewropej, partikolarment fil-mument daqstant delikat li qed ngħixu, huma dritt li grazzi għall-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ingħata lil Malta u ħadd m’għandu dritt iċahhadha minnu, nkluż il-Partit Laburista li nfakkru kemm ħadem biex Malta tibqa’ barra mill-Unjoni Ewropea u allura tibqa’ mingħajr il-fondi li ġew mas-sħubija.

Il-falliment li jippreżenta r-recovery and resilience plan fil-ħin huwa insult mill-Gvern Laburista lil pajjiżna, propju fil-jum li fih infakkru d-dħul tiegħu fl-Unjoni Ewropea.