Lokali

Il-PN joffri proposti konkreti sabiex pajjiżna jkollu viżjoni ċara

Matul il-programm specjali li ttella’ fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, ħadu sehem diversi mistiedna minn diversi oqsma.

Il-President tal-Union tal-Bankiera William Portelli tkellem dwar kemm kemm huwa importanti li pajjiżna jkun kredibbli ħalli min jinvesti jsib il-ġid u jagħmel il-ġid. Huwa qal li għalkemm issa jidher li pajjiżna għadda mit-test tal-Moneyval, dan mhux biżżejjed għax pajjiżna missu qatt ma wasal s’hawn. Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tfisser reputazzjoni tal-poplu, reputazzjoni ta’ min jaħdem u ta’ min iħaddem. Għalhekk din hija benchmark li kellna u li rridu nakkwistaw lura llum qabel għada biex żgur ikollna l-kredibbilta li nibnu fuqha u nerġgħu niġu fejn konna.

Portelli qal li huwa importanti li naħdmu sabiex nerġgħu nakkwistaw lura l-meritokrazija fejn tingħata iktar ħajja lill-ekonomija diġitali u jinħolqu opportunitajiet ġodda.  Huwa qal li wasal iż-żmien li l-pajjiż jiddiskuti bis-serjeta kif pajjiżna se jkollu ekonomija soda mhux għal-lum biss iżda għas-snin li ġejjin.

Karen Attard li taħdem fis-settur tat-turiżmuqalet li din kienet sena diffiċli fejn bla dubju ta’ xejn dan kien wieħed mill-aktar setturi milquta. Hija qalet li quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalsita qed iniedi proposti konkreti li permezz tal-viżjoni tiegħu se jkun possibbli li dan is-settur jerġa’ jirkupra mill-aktar fiss.

Geoffrey Axiak membru  tal-MUMNqal li kulħadd intlaqat minn din il-pandemija fejn ix-xogħol tagħhom żdied b’mod konsiderevoli tant li għaddew minn perjodu li kienu waslu f’punt ta’ kollass. Axiak qal li l-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa għamlu l-għalmu kollu taghom biex jissalvagwardjaw is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Huwa qal li għalkemm f’pajjiżna hawn opportunitajiet f’dan is-settur, jeħtieġ li jkun hawn aktar investiment u opportunitajiet ġodda għal min irid jibda karriera f’dan il-qasam tas-saħħa.

L-Infermiera Johanna Tanti sostniet li matul il-pandemija l-ħidma tagħhoma ma waqfitx, fejn dal-aħħar il-ħidma tagħhom issoktat permezz tal-għoti tal-vaċċin. Hija saħqet li l-pandemija affettwathom ukoll mill-lat uman meta jiltaqgħu ma’ anzjani li ġew maħkuma mis-solitudni hekk kif ma setgħux jiltaqgħu mal-qraba tagħhom.

Il-President tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista Ivan Castillo saħaq li din is-sena li għaddiet ma kinitx sena faċli għall-ħaddiema kollha, fejn kien hemm ħaddiema li sabu ma’ wiċċhom problemi kbar filwaqt li ħaddiema fis-settur tas-saħħa żdidilhom ix-xogħol. Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jagħmel lill-ħaddiema fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Dan ifisser li l-ħaddiema jitpoġġew fuq pedestall u jkunu inidirizzati l-problemi kemm ħolitistiċi kif ukoll dawn individwali.  Huwa b’hekk biss li titjieb il-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Castillo żied jgħid li huwa importanti li pajjiżna jkollu viżjoni ċara.. fejn huwa biss il-Partit Nazzjonalsita li qed joħloq niċeċ ġodda ta’ impjiegi u joffri proposti konkreti għal dan is-settur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella tkellem fuq kemm huwa importanti li wieħed jifhem li għandu jkun hemm bilanċ bejn ix-xogol, il-ħajja u l-familja. Huwa qal li diversi ħaddiema qed juru t-tħassib tagħhom li m’għandhomx ħin għall-familja, u dan huwa inkwetanti. Vella qal li huwa importanti li l-ħaddiema jkomplu jitħarrġu, hekk kif dak li seħħ matul din il-pandemija se tkun qed iġib diversi bidliet radikali.

Dwar l-istatistika tal-early school leavers, huwa qal li pajjiżna qed jibqa’ fil-quċċata ta’ din il-lista u din hija weġgħa ta’ qalb. Vella saħaq li quddiem dan kollu rridu nagħtu iktar opportunitajiet lil uliedna ħalli meta jikbru jkunu offruti l-aqwa opportunitajiet ta’ xoghol.

Marco Bonnici President tal-Union tal-Għalliema tkellem fuq kemm il-qasam edukattivhuwa wieħed dinamiku li għandu ħafna sfidi, bil-pandemija toffri diversi sfidi ġodda u differenti. Huwa żied jgħid li s-sens ta’ dover huwa importanti ħafna filwaqt li għandu  jkun rikonuxxut fejn hemm in-nuqqasijiet. Bonnici sostna li f’dan is-settur hemm diversi nuqqasijiet li mhux qed jiġu indirizzati foshom in-nuqqas ta’ edukaturi u riżorsi.

Quddiem dan kollu Bonnici qal li għandna nagħmlu minn kollox biex jitjiebu l-kundizzjonijet tax-xoghol u l-pakkett finanzjarju tal-edukaturi filwaqt li jkun hemm aktar opportunijiet ta’ taħriġ sabiex jiġu attirati iktar ħaddiema fis-settur edukattiv.

L-għalliem u artist Mark Spiteri Lucas qal li sfortunatament ħafna nies għadhom qed iħarsu lejn l-arti bħala hobby u din m’għandhiex tkun. Il-pandemija ġabet ħafna oqsma għarkobbtejhom u mhux inqas dan is-settur tal-arti. Dan is-settur kien minn tal-bidu li għalaq u jidher li se jkun minn tal-aħħar li jerġa’ jiftaħ u allura dan wassal għal diversi ħaddiema li xgħolhom jiddependi fuq dan is-settur li s’issa għadhom ma jafux fejn qegħdin. Huwa qal li dawn il-ħaddiema jridu jisimgħu xi pjan hemm għal meta pajjiżna joħroġ minn din il-pandemija u mhux min ma jagħtix importanza lis-settur tal-arti.

Spiteri Lucas żied jgħid li l-arti għandha qawwa kbira li meta tiġi amalgamata fil-kurrikulu għandha diversi benefiċċji għall-istudenti… benefiċċji li jwasslu biex ikollna soċjetà li kapaci timrah iktar ‘il quddiem.