Futbol Sport

Inter b’ċans li jaċċertaw mit-titlu

Bejn illum u nhar it-Tnejn tintlagħab l-34 ġurnata tas-Serie A, fejn Inter jistgħu jaċċertaw mir-rebħ tat-titlu jekk jirbħu kontra Crotone u jekk Atalanta jonqsu milli jirbħu kontra Sassuolo.

Inter m’għandhomx ifallu hekk kif jilgħabu barra minn darhom kontra t-tim li jinsab fl-aħħar post Crotone, bit-tim ta’ Antonio Conte jieħu żewġ draws konsekuttivi fl-aħħar partiti, iżda biż-żelqiet ta’ Milan kompla jkabbar il-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika.

Fi tmiem il-ġimgħa tkompli wkoll it-taqtiegħa għall-postijiet fl-Ewropa hekk biss seba’ punti jifirdu lit-tieni post minn mas-sitt post. Atalanta jilgħabu barra minn darhom kontra Sassuolo, bit-tim ta’ Gian Piero Gasperini jkompli jimpressjoni hekk kif minn l-aħħar seba’ partiti kiseb sitt rebħiet, filwaqt li Sassuolo se jkunu qed ifitxxu li jżommu l-pass biex jiksbu post fl-Ewropa.

Milan jilgħabu kontra Benevento, f’partita li tista’ titqies bħala diffiċli hekk kif fl-aħħar partiti t-tim ta’ Stefano Pioli deher jikkrolla minkejja li għamel 26 partita fl-ewwel post. Milan qed jirriskjaw ukoll li ma jtemmux mal-ewwel erba’ filwaqt li rebħa għal Benevento tagħtihom aktar tama’ li jsalvaw posthom fis-Serie A.

Napoli jilqgħu lil Cagliari bit-tim ta’ Gennaro Gattuso jidher li rkupra fl-aħħar partiti u jinsab f’pożizzjoni tajba li jikseb post fil-UEFA Champions League. Minn naħa l-oħra Juvnetus jilgħabru fi Stadio Friulli kontra Udinese, bit-tim ta’ Andrea Pirlo ikun inkonsistenti f’għadd ta’ partiti matul dan l-istaġun. Lazio jilgħabu kontra Genoa filwaqt li Roma jilgħabu barra minn darhom kontra Sampdoria.

SERIE A

Illum: Verona v Spezia 3.00pm, Crotone v Inter 6.00pm, Milan v Benevento 8.45pm Għada: Lazio v Genoa 12.30pm, Bologna v Fiorentina 3.00pm, Napoli v Cagliari 3.00pm, Sassuolo v Atalanta 3.00pm, Udinese v Juventus 6.00pm, Sampdoria v Roma 8.45pm It-Tnejn: Torino v Parma 8.45pm